Opportunitajiet ta’ Karrieri fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, matul is-snin ġabet magħha diversi opportunitajiet marbuta mal-moviment ħieles tal-persuni biex jistudjaw jew jaħdmu fi Stati Membri oħra.

Ħafna Maltin, matul is-snin ħatfu l-opportunitajiet li jsibu xogħol barra minn xtutna għax jafu li se jkunu trattati bħaċ-ċittadini tal-pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jkunu fih. Barra minn hekk, permezz tas-sħubija, ħafna Maltin ħadu l-opportunità wkoll li jaħdmu ma’ xi istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa l-oħra, għalkemm ħafna ġieli ħasbu għandhomx jagħmlu dan il-pass, jikkonfondu minn fejn jaqbdu jibdew.

L-Unjoni Ewropea toffri diversi opportunitajiet ta’ impjieg mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tagħha. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u oħrajn, huma bbażati primarjament fi Brussell.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha diversi aġenziji li jwettqu l-ħidma tagħha f’xi qasam speċifiku u li dawn huma stazzjonati fi Stati Membri differenti. F’Malta, pereżempju, insibu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, li tagħti appoġġ lill-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-immigrazzjoni irregolari u l-protezzjoni internazzjonali.

Meta taħdem f’xi waħda mill-istituzzjonijiet jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea, inti jkollok ħafna iktar opportunitajiet u possibiltajiet ta’ esperjenzi ġodda, għaliex dawn jaħdmu ħafna nies fihom mill-Unjoni Ewropea kollha. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea joffru ambjent ta’ xogħol dinamiku u ta’ sfida, marbut ma’ tfassil u twettiq tal-politiki u liġijiet tal-Unjoni Ewropea, f’oqsma differenti.

Għalkemm ambjent tax-xogħol bħal dan huwa wieħed impenjattiv u ta’ sfida, l-Unjoni Ewropea tagħti kas ukoll l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, waqt li jiżdidulek l-opportunitajiet li tiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħek, kemm fil-lingwi u kemm fil-qasam professjonali li taħdem fih, sabiex il-karriera dejjem timxi ‘l quddiem. Dan jgħodd kemm biex wieħed jimxi ’l quddiem minn pożizzjoni għal oħra fl-istess istituzzjoni, jew ukoll minn istituzzjoni jew aġenzija għal oħra.

Il-proċess tal-applikazzjoni għal impjieg f’istituzzjoni jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea jvarja skont it-tip ta’ kuntratt. Hemm diversi kategoriji ta’ kuntratti ta’ xogħol - kuntratt permanenti, kuntratt għal żmien definit u kuntratt temporanju. Hemm ukoll apprentistat għal żgħażagħ li għadhom kif gradwaw mill-Università.

Kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandu d-dritt li japplika għal pożizzjoni mal-istituzzjonijiet jew aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Dan naturalment jinvolvi proċess kompetittiv sabiex jintgħażlu l-aħjar applikanti b’mod ġust. Għal kull tip ta’ kuntratt hemm marbuta proċedura ta’ għażla li l-applikanti jkunu jridu jsegwu u jippreparaw sewwa għalihom.

Għalkemm din hija informazzjoni bażika dwar kif wieħed jista’ jsegwi karriera fl-Unjoni Ewropea, hemm ħafna aktar x’wieħed ikun jaf. Għaldaqstant, kull min jixtieq ikun jaf aktar dwar l-opportunitajiet ta’ impjieg mal-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni Ewropea, l-uffiċċju ta’ informazzjoni Europe Direct Valletta, immexxi mill-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, jassisti lil dawk li jkollhom mistoqsijiet jew diffikultajiet dwar karrieri fl-Unjoni Ewropea.

Matul is-sena, Europe Direct Valletta u Servizzi Ewropej f’Malta jorganizza diversi sessjonijiet onlajn dwar opportunitajiet ta’ karrieri differenti. F’dawn is-sessjonijiet, dawk li jieħdu sehem jingħataw informazzjoni dwar l-opportunitijiet u l-kuntratti tal-impjiegi varji li toffri l-Unjoni Ewropea u dwar il-proċess ta’ applikazzjoni u l-għażla marbut mal-kuntratti rispettivi.

Biex tkun taf aktar, Servizzi Ewropej f’Malta u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta għadhom kemm ħarġu sett ta’ videos dwar diversi opportunitajiet ta’ karrieri. Dawn il-videos issibhom hawn. Fihom, uffiċjali Maltin li jaħdmu fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar kif jgħixu u jaħdmu fil-qalba tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif, tista’ tikkuntattjana fuq 2779 7300, info.sem@gov.mt jew billi żżur is-sit elettroniku sem.gov.mt.