Fondi tal-UE għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Meta nħarsu lejn is-suq tax-xogħol, ninnutaw li meta mqabbla mal-irġiel, in-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed, minkejja d-diversi sforzi li saru matul is-snin biex jindirizzaw dan l-iżbilanċ.

L-aħħar statistika tal-Eurostat dwar l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea (UE) turi li fl-2022, 69.3% tan-nisa kienu jaħdmu filwaqt li r-rata tal-impjieg tal-irġiel fl-istess sena kienet ta’ 80%. Din turi biċ-ċar li għad hemm żbilanċ bejn is-sessi fl-impjiegi madwar l-UE.

Dan l-iżbilanċ huwa riżultati ta’ diversi fatturi. Wieħed mil-fatturi ewlenin li jwassal għal dan huwa l-piż tax-xogħol tad-dar u kura tal-familjari mhux imħallsa li jsir min-nisa, u għaldaqstant meta tqabbel il-ġurnata tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel, in-nisa jaħdmu iktar sigħat mill-irġiel. Barra minn hekk, għalkemm aktar nisa qed ikollhom livell għoli ta’ edukazzjoni, xorta jiffaċċjaw ħafna limitazzjonijiet fl-għażla tax-xogħol u l-opportunitajiet għall-avvanz fil-karriera tagħhom minħabba d-dmirijiet domestiċi imposti fuqhom. Għaldaqstant, ħafna nisa jaħdmu jew fuq bażi part-time jew b’sigħat imnaqqsa.

L-UE tirrikonoxxi l-importanza li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol sabiex ikunu iktar ekonomikament indipendenti. Għaldaqstant, l-UE daħħlet miżuri bħad-Direttiva għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bil-għan li tappoġġja lin-nisa u lill-irġiel jaqsmu r-responsabbiltajiet domestiċi b’mod ugwali. Dan huwa possibbli permezz ta’ miżuri bħall-introduzzjoni tal-lif tal-paternità, il-lif għall-carers u l-estensjoni tad-dritt għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal kull ġenitur. Madankollu, biex dawn il-miżuri jkunu effettivi, jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet konkreti biex jonqos l-iżbilanċ bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol f’pajjiżhom.

Permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), l-istrument ewlieni tal-UE għall-investiment fin-nies, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi tal-UE biex jinvestu u jimplimentaw azzjonijiet u miżuri soċjali differenti, immirati lejn il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol.

Malta tiffaċċja sfida sinifikanti fir-rappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol, hekk kif l-istatistika tal-Eurostat turi li fl-2022 ir-rata tal-impjiegi tan-nisa f’Malta kienet ta’ 72.9%, filwaqt li dik tal-irġiel kienet 86.2%. L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi juri wkoll li lokalment, fir-responsabbiltajiet domestiċi u kura tal-familja, huma n-nisa li primarjament jerfgħu dawn id-dmirijiet.

F’dan l-isfond, permezz tal-FSE+ għall-perjodu 2021-2027, Malta ser tkun qed tindirizza l-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta’ diversi azzjonijiet. L-għan aħħari huwa li matul is-snin li ġejjin in-nisa jingħataw riżorsi, ħiliet u appoġġ biex is-suq tax-xogħol ikun aktar bilanċjat u titnaqqas ukoll id-differenza fil-paga bejn in-nisa u l-irġiel. Barra minn hekk, Malta ser tkun ukoll qed tindirizza l-ostakli li jiffaċċjaw in-nisa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol marbuta mar-responsabbiltajiet tat-tfal u familjari oħra.

Bħalissa hija miftuħa sejħa għall-applikazzjonijiet bl-isem ta’ ‘Parteċipazzjoni Bilanċjata bejn is-Sessi fis-Suq tax-Xogħol’ bil-għan li tappoġġja attivitajiet immirati biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jippromwovu l-bilanċ bejn is-sessi. L-interventi appoġġjati taħt din is-sejħa jinkludu: l-iżvilupp ta’ riżorsi u ħiliet, appoġġ u attivitajiet ta’ għarfien; riċerka; programmi ta' mistrieħ għall-ġenituri, gwardjani jew carers ta’ persuni b’diżabilità, li ħafna drabi jkunu nisa; inizjattivi marbuta mal-irwol tal-irġiel fir- responsabbiltajiet domestiċi u ta’ kura bla ħlas; kif ukoll azzjonijiet li jindirizzaw l-isterjotipi tas-sessi. Azzjonijiet oħra jinkludu inizjattivi li jappoġġjaw l-imprenditorija tan-nisa, kif ukoll inizjattivi għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fis-settur privat u dak pubbliku. Organizzazzjonijiet volontarji, imsieħba soċjali, entitajiet pubbliċi u dipartimenti tal-gvern interessati f’din is-sejħa huma mistiedna japplikaw sat-Tnejn 6 ta’ Mejju, 2024.

Għal aktar informazzjoni dwar din is-sejħa, wieħed jista’ jattendi sessjoni ta’ informazzjoni nhar it-Tlieta, 9 ta’ April mis-14:30 sas-17:30 fl-uffiċini ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), f’280, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Matul din is-sessjoni, applikanti prospettivi jistgħu jressqu l-mistoqsijiet tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni. Aktar informazzjoni u r-reġistrazzjoni jinsabu fil-websajt ta’ SEM.

Organizzazzjonijiet volontarji u msieħba soċjali li huma interessati li japplikaw għal din is-sejħa jew li jixtiequ aktar informazzjoni dwar il-fondi tal-UE jistgħu jikkuntattjaw lil SEM permezz tas-sit elettroniku sem.gov.mt, iċemplu 2779 7300 jew bl-email info.sem@gov.mt.