Sessjoni ta’ Informazzjoni – Servizzi tal-UE f’Malta

02 November 2020

Il-Ġimgħa ta’ Attivitajiet organizzata mill-MEUSAC biex tippromwovi s-servizzi tagħha, bit-tema, ‘Nagħmlu l-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għalik’, tnediet illum b’sessjoni ta’ informazzjoni dwar servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea li huma disponibbli għaċ-ċittadini fil-Gżejjer Maltin.

Is-sessjoni bdiet b’diskors mill-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, li tkellmet dwar il-missjoni tal-Aġenzija li tispjega x’inhi l-Unjoni Ewropea, kif taħdem u kif taffettwana fil-ħajja ta’ kuljum. Dan jinkludi l-aċċess għal diversi servizzi liċ-ċittadini, bħal drittijiet  meta wieħed jixtri prodotti u servizzi jew isiefer. Hija tkellmet ukoll kif il-MEUSAC dan tagħmlu ma’ diversi kategoriji u etajiet bħalma huma t-tfal, li nispjegawlhom kif ikunu ċittadini attivi tal-Unjoni Ewropea u li forsi għalkemm għandhom kulturi diffferenti minn tfal f’pajjiżi oħra, jistgħu jgħixu flimkien.

Il-Kap tal-MEUSAC qalet ukoll li parti mill-missjoni tal-MEUSAC hi li nuru kif l-Unjoni Ewropea mhix biss lista ta’ regoli li rridu nimxu magħhom, imma wkoll mod ta’ kif organizzazzjonijiet, bil-limitazzjonijiet tagħhom, xorta jistgħu jaċċessaw fondi li huma essenzjali biex iwettqu l-missjoni tagħhom.

Is-Sa Falzon tat ħarsa wkoll lejn l-attivitajiet li ħejjiet il-MEUSAC għall-bqija tal-Ġimgħa ta’ Attivitajiet. Hi rringrazzjat lit-tim kollu tal-Aġenzija li ta’ kuljum jaħdem biex jagħmel l-Unjoni Ewropea aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini. Irringrazzjat lill-Ministru Abela u lit-tim tiegħu għas-sapport kontinwu tagħhom u lis-Segretarju Permanenti Ewlieni u lit-tim tiegħu li permezz tal-viżjoni u l-gwida ċara tiegħu qed inkomplu nfasslu l-futur ta’ din l-Aġenzija.

Il-Ministru Carmelo Abela, li taħt ir-responsabbiltà tiegħu taqa’ l-MEUSAC, irrefera għall- Premju għal Servizz ta’ Kwalità fis-Servizz Pubbliku li ngħatat l-Aġenzija f’Settembru li għadda. Dan ifisser, qal il-Ministru, li l-MEUSAC tista’ titqies bħala aġenzija tal-Gvern li tista’ toqgħod fuqha, li tagħtik servizz b’effiċjenza u b’kortesija, li tikkomunika miegħek f’kull ħin, li tintlaħaq faċilment u li tista’ tafda s-servizzi tagħha.

Il-Ministru Abela qal ukoll li l-MEUSAC dejjem fittxet li tagħti servizz personalizzat lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna u s-servizzi tagħna. Dan isir għaliex il-persuni li jagħmlu l-Aġenzija, il-Kap, it-tmexxija u l-ħaddiema tagħha huma dedikati fil-missjoni tagħhom li jqarrbu l-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċittadini; biex l-Unjoni Ewropea ma tkunx realtà ’l bogħod, kif ħafna ċittadini jħossuha, imma li tfisser benefiċċji u opportunitajiet, flimkien ma’ drittijiet u obbligi li ngħixuhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-Ministru Abela elenka kif din is-sena saru ’l fuq minn 30 attività differenti, mal-korpi kostitwiti, djalogi pubbliċi, taħriġ fuq kif tapplika għall-fondi Ewropej u pubblikazzjoni għat-tfal dwar l-Unjoni Ewropea li se nniedu għada. Matul is-sajf, uffiċjali tal-MEUSAC flimkien mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi wasslu l-Unjoni Ewropea lit-tfal ta’ Skolasajf b’attivitajiet fi 30 ċentru f’Malta u Għawdex, li minkejja l-pandemija laħqu mal-400 tifel u tifla.

Barra minn hekk, membri tal-istaff tal-Aġenzija, ħadu sehem f’25 programm tar-radju u t-televiżjoni u kitbu 90 artiklu f’gazzetti u portali tal-aħbarijiet onlajn. Dawn minbarra l-aġġornamenti regolari dwar dak li jkun għaddej fl-Unjoni Ewropea fuq il-mezzi tal-midja soċjali tal-Aġenzija u assistenza lil individwi li jistaqsu b’diversi modi għall-informazzjoni ġenerali, drittijiet u benefiċċji dwar l-Unjoni Ewropea.

Fejn tidħol l-assistenza għall-fondi, li l-MEUSAC toffri għall-benefiċċju ta’ ħafna NGOs, kunsilli lokali, enitajiet tal-Gvern u skejjel, huwa l-assistenza biex jinkisbu fondi Ewropej għal proġetti ta’ fejda għas-soċjetà Maltija. Sa minn meta twaqqfet il-MEUSAC, grazzi għal din l-għajnuna, li tingħata bla ħlas, il-MEUSAC għenet ’il fuq minn 500 organizzazzjoni li flimkien kisbu mad-69 miljun ewro f’fondi Ewropej.  Din is-sena biss saru madwar 240 laqgħa individwali biex ngħinu lill-organizzazzjonijiet jaċċessaw il-fondi Ewropej u ġew sottomessi 91 applikazzjoni għal proġetti f’diversi oqsma fosthom, l-edukazzjoni, l-infrastruttura fil-komunitaijiet kif ukoll titjib fl-ambjent.

Sessjoni ta’ Informazzjoni – Servizzi tal-UE f’Malta
Wara d-diskorsi tal-bidu, kompliet is-sessjoni ta’ informazzjoni dwar servizzi f’Malta marbuta mal-Unjoni Ewropea, bis-sehem ta’ Dr Elena Grech, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u Dr Mario Sammut, Kap tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Flimkien magħhom ingħaqdu rappreżentanti li joffru s-servizzi li ġejjin:

  • Opportunitajiet ta’ xogħol madwar l-Ewropa – EURES (European Employment Services fi ħdan il-Jobsplus);
  • Skemi ta’ taħriġ iffinanzjati mill-UE – Jobsplus;
  • Drittijiet fin-negozju fl-UE – SOLVIT fi ħdan id-Dipartiment għall-Kummerċ;
  • Id-drittijiet transkonfinali tal-konsumaturi Ewropej – Iċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumaturi fi ħdan l-MCCAA;
  • Karrieri fl-Istituzzjonijiet u Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Ambaxxaturi għall-Karrieri, Università ta’ Malta u MCAST;
  • Servizzi transkonfinali marbuta mas-saħħa, fosthom il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa fl-UE – Entitlement Unit, Ministeru tas-Saħħa;
  • Opportunitaijiet ta’ Taħriġ u Studju fl-Unjoni Ewropea – Aġenzija għall-Programmi tal-UE (EUPA);
  • Xjenza u Teknoloġija u opportunitaijiet li joffri l-programm Horizon 2020 – Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST);
  • Il-programmi,‘L-Ewropa għaċ-Ċittadin’ u għall-Iżvilupp Urban ‘URBACT’ – Dipartiment għall-Gvern Lokali;
  • Opportunitajiet ta’ Fondi Diretti – Diviżjoni għall-Fondi u Programmi, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej;
  • Single Digital Gateway – Kordinatur Nazzjonali għas-Single Digital Gateway, Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar.
« Back

other events