MEUSAC Core Group Meeting

27 September 2019

It-tħejjijiet għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ngħataw spinta u jinsabu fi stadju avvanzat biex il-gvern u s-settur privat ikunu lesti għal kull eventwalità. Dan permezz ta’ proċess inter-Ministerjali kkordinat mid-Dipartiment tal-Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.

Id-dettalji dwar l-aħħar pjanijiet u l-ispettru sħiħ ta’ miżuri ta’ kontinġenza ġew preżentati lill-imsieħba soċjali waqt laqgħa tal-MEUSAC Core Group. Iċ-ċittadini, it-trasport, l-ivjaġġar, it-turiżmu, il-kummerċ, u l-istudenti kienu fost it-temi trattati mal-imsieħba soċjali wara preżentazzjoni mill-Kap tad-Dipartiment tal-Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea Glenn Micallef.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li Brexit se tħalli impatt fuq il-baġit Ewropew li jmiss għal perjodu bejn l-2021-2027 kif ukoll fuq il-programm Erasmus; żewġ oqsma li huma fuq nett tal-aġenda tas-Segretarjat Parlamentari. Huwa żied li ma nistgħux nikkonkludu l-ftehim dwar il-baġit Ewropew li jmiss qabel ma jkollna Brexit warajna. Dan se jirrizulta f’diskrepanza ta’ madwar 12-il biljun ewro fil-baġit li jmiss, u dan ifisser li se jkun hemm tnaqqis fil-baġit u awtomatikament fil-fondi ta’ koeżjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Dr Farrugia nnota ukoll li tluq mhux ordnat iħalli impatt fil-baġit Ewropew preżenti għax dan jaf ifisser li r-Renju Unit jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf il-kontribuzzjonijiet tiegħu sa mill-31 ta’ Ottubru 2019. Dan iħalli ħofra fil-baġit Ewropew ta’ madwar €11 biljun, li jridu joħorġu mill-bwiet tal-Istati Membri Ewropej l-oħra biex tinżamm l-ispiża maqbula sat-tmiem tas-sena 2020, bil-programmi affetwati jinkludu l-fond tal-politika ta’ koeżjoni u tal-politika tal-agrikoltura.

Dwar il-programm Erasmus, Farrugia qal li filwaqt li l-arranġamenti preżenti ma’ istituzzjonijiet edukattivi Brittaniċi se jibqgħu fis-seħħ, irridu nkunu kawti biex naraw jekk wara Brexit, ir-Renju Unit hux se jibqa’ parteċipi fi skemi edukattivi. F’dan ix-xenarju, is-Segretarju Parlamentari Farrugia ħabbar li se jkollu laqgħat f’Berlin fil-ġimgħat li ġejjin biex isaħħah ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi anke għaliex l-Irlanda hi fost l-aqwa pajjiżi fit-tħaddim tal-programm Erasmus.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li s-sitwazzjoni dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tibqa’ fluwida ħafna u l-Ministeru jibqa’ kommess li jixpruna t-tħejjijiet fil-livelli kollha tal-gvern biex kemm is-settur pubbliku u dak privat ikunu mħejjija bl-aqwa mod possibli. Dan biex effettivament jonqos l-impatt fuq l-ekonomija Maltija li żammet ir-rittmu pożittiv ta’ tkabbir b’saħħtu li qed jirriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

F’dan ir-rigward, il-Ministru ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin id-Dipartiment responsabbli se jestendi s-servizzi tiegħu biex ikun aktar aċċessibbli għal kull min jirrikjedi għajnuna jew informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ kontinġenza. Dan filwaqt li se titnieda kampanja bil-għan li tikkonsolida l-ħidma kollha li saret b’mod koerenti.

Dwar il-baġit Ewropew li jmiss, il-Ministru Zammit Lewis ġedded l-impenn tiegħu biex inġibu l-aqwa ftehim lejn pajjiżna, u dan fil-kuntest tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali li kiseb dan il-gvern minn meta ġie negozjat l-aħħar pakkett finanzjarju.

Fuq nota oħra, il-Ministru sostna li l-MEUSAC tibqa’ ċentrali għall-għan strateġiku li nqarrbu l-Unjoni Ewropea dejjem aktar lejn in-nies. Għaldaqstant, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu li jkompli jinvesti f’din l-aġenzija ewlenija li hija ħolqa importanti bejn l-Unjoni Ewropea, il-gvern, is-settur privat u ċ-ċittadini kollha.

« Back

other events