MEUSAC Core Group Meeting

20 March 2019

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-tħejjijiet għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (UE) Celine Gauer żaret pajjiżna fejn qed ittemm sensiela ta’ żjarat fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea b’rabta mas-suġġett imsemmi.

Gauer kellha laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli fejn it-tnejn qablu dwar il-livell għoli ta’ tħejjijiet għal tluq mhux ordnat (no deal), kemm fuq in-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u kif ukoll fuq in-naħa tal-Gvern Malti.

Dan kien rifless waqt laqgħa mas-sħab soċjali taħt il-kappa tal-MEUSAC Core Group, li għaliha attendew ukoll il-Membri Parlamentari Glenn Bedingfield u David Stellini f’isem il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Fil-laqgħa tal-Core Group, Celine Gauer saħqet li disat ijiem biss ’il bogħod mid-data uffiċjali tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE, il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ konvinta li l-ftehim negozjat tul l-aħħar sentejn u rifjutat mill-Parlament tar-Renju Unit jibqa’ l-aqwa u l-uniku soluzzjoni għal tluq ordnat, bl-inqas impatt negattiv possibbli.

Madanakollu hija rrikonoxxiet illi fid-dawl tal-kuntest politiku f’Londra, tibqa’ tippersisti l-possibiltà ta’ no deal. Għal dan il-għan, Gauer fissret kif il-Kummissjoni ppubblikat mad-disgħin sett ta’ linji gwida għall-gvernijiet u n-negozji ta’ kull qies biex ilkoll iħejju ruħhom bl-aqwa mod għal kull eventwalità.

Dwar il-possibbiltà ta’ estenzjoni, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea qalet li din tista’ tingħata biss jekk ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva – il-Kummissjoni mhux lesta li tagħti estenzjoni biex ir-Renju Unit jipprepara għal no deal. Għall-kuntrarju, estenzjoni tingħata biss f’każ li r-Renju Unit irid aktar żmien biex jirratifika l-ftehim propost.

Celine Gauer ikkonkludiet li l-Kummissjoni Ewropea tibqa’ ottimista għal relazzjoni b’saħħitha mar-Renju Unit, iżda din tibqa’ relazzjoni ma’ pajjiż terz u bl-ebda mod u manjiera ma tista’ tkun forma oħra jew replika ta’ sħubija sħiħa. F’dan ir-rigward, hija żiedet li l-prinċipji li jsawwru s-Suq Uniku Ewropew mhumiex diviżibbli, u li jekk ir-Renju Unit irid aċċess irid jħaddan it-tali prinċipji fit-totalità tagħhom.

Min-naħa tagħha l-Ministru Helena Dalli tenniet l-impenn tal-Gvern Malti favur transizzjoni serena biex kemm jista’ jkun nimmitigaw l-impatt negattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji affetwati bit-tluq tar-Renju Unit mill-UE. Kien għalhekk li l-Gvern Malti ħejja pjan ta’ kontinġenza komprensiv biex joffri serħan il-moħħ għaċ-ċittadini Brittaniċi li qed jaħdmu, jistudjaw jew jgħixu f’pajjiżna, u għal dawk Maltin li qed jgħamlu l-istess fir-Renju Unit.

Il-Ministru Dalli rreferiet ukoll għan-numru ta’ laqgħat li Gauer kellha llum ma’ diversi Ministeri u awtoritajiet Maltin, hekk kif is-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea kompla bil-ħidma preparatorja għad-29 ta’ Marzu u lil hinn.

Waqt il-laqgħa tal-Core Group tkellmu numru ta’ rappreżentanti tas-sħab soċjali, fosthom mill-GRTU, l-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem, u l- Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin.

« Back

other events