‘Mas-Siġra tal-Ballut’ – Ktieb għat-tfal dwar l-Unjoni Ewropea

03 November 2020

Il-MEUSAC u Europe Direct Valletta nidew ktieb għat-tfal ta’ 11 u 12-il sena li jispjega x’inhi u kif taħdem l-Unjoni Ewropea.

Il-ktieb hu mqassam fi tliet partijiet u jibda bi storja ta’ Trevor Żahra dwar il-ħajja ta’ kuljum ta’ grupp ta’ annimali li ddur ma’ siġra tal-ballut. L-ors, il-brimba, is-serp, il-qanfud u l-ġojjin jafu sew lil xulxin u jitkellmu dwar dak li jgħaddu minnu. L-iktar ħaġa li tinkwetahom hi li ħafna drabi ma jħalluhomx jgħixu fil-kwiet. Huma jafu li l-ors mhux il-brimba, u l-qanfud mhux il-ġojjin, daqskemm mhumiex is-serp! Huma differenti ħafna minn xulxin, kif jimxu u jiċċaqilqu minn post għal ieħor, x’jieklu u x’gosti oħra għandhom. Imma jagħrfu li d-differenzi ta’ bejniethom ma jfixkluhomx milli jgħixu flimkien madwar is-siġra tal-ballut!

Sakemm jiġi l-fenek u jinqala’ l-għawġ! L-ors, il-brimba, is-serp, il-qanfud u l-ġojjin juru lill-fenek li lkoll bżonn xulxin u li meta jaħdmu flimkien, igawdi kulħadd!

It-tieni parti tal-ktieb toħroġ l-elementi ewlenin tal-istorja biex tispjega kif dak li jgħaqqad is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huwa mfisser fil-motto tagħha, ‘Magħqudin fid-Diversità’ u kif hi bbażata fuq valuri bażiċi li huma r-Rispett, id-Demokrazija, l-Ordni, is-Solidarjetà, il-Libertà u l-Ugwaljanza.

It-tielet parti tikkonsisti fi 12-il eżerċizzju prattiku li minnhom, il-qarrejja jkunu jistgħu japplikaw dak li jkunu tgħallmu fil-bqija tal-ktieb.

Il-ktieb tnieda mill-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, fil-preżenza tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela. Magħhom ingħaqdu l-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Elena Grech, u l-Assistent Direttur għat-Tagħlim u Programmi ta’ Assessjar fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, David Degabriele.

Wara diskorsi mill-kelliema, l-awtur tal-istorja tal-ktieb, Trevor Żahra ngħaqad ma’ żewġt itfal, Joanna Pace u Faith Briffa li qraw l-istorja flimkien.

L-attività segwiet b’intervent minn Joe Sciberras, Maniġer tal-Komunikazzjoni fil-MEUSAC, li tkellem mat-tfal dwar kif il-parti informattiva dwar l-Unjoni Ewropea tirrifletti l-messaġġi ewlenin tal-istorja.

Il-ktieb, ‘Mas-Siġra tal-Ballut’ jista jitniżżel f’forma diġitali mill-websajt tal-MEUSAC: https://meusac.gov.mt/media/#publications.

« Back

other events