Laqgħa mas-Sur Leo Brincat: Il-Ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

17 November 2020

Il-Membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Sur Leo Brincat, iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili f’laqgħa virtwali organizzata mill-MEUSAC u l-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fil-laqgħa, is-Sur Brincat tkellem dwar ix-xogħol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar estern tal-finanzi tal-UE, fejn jidħlu t-trasparenza, il-kontabbiltà fil-ġbir u l-infiq tal-finanzi tal-UE.

Huwa spjega kif, ix-xogħol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jiffoka l-iktar fuq il-Kummissjoni Ewropea – l-istituzzjoni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea. Imma taħdem ukoll mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, l-aktar mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Verifika.

Is-Sur Brincat aċċenna għall-fatt li l-Qorti toħroġ rapporti dwar suġġetti varji, li fihom tagħmel rakkomandazzjonijiet għal immaniġġjar u użu aħjar tal-finanzi tal-UE.

Waqt li wieġeb għall-interventi li saru mill-parteċipanti, is-Sur Brincat tkellem dwar kif il-Qorti tagħmel ‘fitness checks’ fuq l-Għajnuna mill-Istat (State Aid) fl-Istati Membri, biex tara li jkun hemm bilanċ bejn il-bżonn li jitħaffef il-proċess tal-finanzjamenti u li titnaqqas il-burokrazija, waqt li jitħarsu r-regoli stabbiliti u ma jkunx hemm lok għal abbużi u b’hekk tara li l-flus jintużaw għall-iskopijiet veru tagħhom.

Is-Sur Brincat tkellem ukoll dwar eżempji prattiċi tal-ħidma tal-Qorti, fosthom dwar l-effikaċja tal-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea li ssaħħaħ il-Protezzjoni Ċivili fl-Istati Membri għal waqt u wara l-pandemija, li l-finanzjament għalihom qed jitla’ b’żewġ biljuni. Hu rrefera wkoll għall-kwistjoni tal-immaniġġjar tal-immigrazzjoni, li dwarha, il-Qorti għamlet rapporti estensivi dwar il-hotspots fil-Greċja u l-Italja, u wkoll dwar l-immaniġġjar tal-immigranti ekonomiċi li jinħtieġ isir b’mod ħafna aħjar u b’mod iktar effettiv.

Punt ieħor li aċċenna għalih is-Sur Brincat kien dwar il-fatt li għalkemm l-UE talloka l-biljuni ta’ ewro mill-baġit multiannwali, hemm oqsma bħall-fondi ta’ koeżjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-azzjoni tal-klima, li xi Stati Membri jibqgħu ’l bogħod milli jonfquhom kollha għall-finijiet li huma maħsuba. Il-Qorti toħroħ ukoll rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, tkellem dwar l-elementi tat-trasparenza, l-integrità u l-kontabbiltà bħala elementi essenzjali għal governanza tajba u li tibnu l-fiduċja fil-proċess tat-tfassil tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet. B’hekk, tissaħħaħ il-leġittimità u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet pubbliċi. Kollox ma’ kollox, ix-xogħol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri hu importanti ħafna biex jitħarsu l-interessi finanzjarji ta’ kull wieħed u waħda minna bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar il-valur miżjud tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea, fejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri li tevalwa l-prestazzjoni tal-programmi ta’ fondi u r-riskji għall-finanzi, l-istrumenti finanzjarji u garanziji tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, jistgħu jintlaħqu aħjar l-iskopijiet tal-finanzi tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, u fuq kollox it-titjib tal-kwalità tal-ħajja.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Abela rrefera għall-iskop tal-ħidma tal-MEUSAC fejn tidħol l-assistenza fil-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi Ewropej, li tassigura valur miżjud għall-proġetti, li jkunu kompetittivi u li jistgħu jiġu attwati. “L-assistenza tal-MEUSAC lill-entitajiet u l-għaqdiet f’pajjiżna tagħti valur miżjud lill-proġetti li japplikaw għalihom, mhux biss biex ikunu aktar kompetittivi u skont il-prijoritajiet tal-programmi ta’ fondi nfushom u dawk tal-Unjoni Ewropea, imma aktar minn hekk, biex dawn il-proġetti jimmassimizzaw il-benefiċċji għaċ-ċittadini Maltin.

« Back

other events