Għid tiegħek dwar l-Ewropa – Għal Ewropa aktar Soċjali

25 October 2018

Il-MEUSAC u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, qegħdin jorganizzaw laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni mis-serje, ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’, li se ssir fil-25 ta’ Ottubru, fl-Iskola Primarja B, Kulleġġ Santa Margerita, Triq l-Iskola, Ħaż-Żabbar, fis-18:00.

Il-laqgħa li jmiss se tittratta s-suġġett vast tal-iżvilupp soċjali fl-Istati Membri tal-UE. Minbarra l-konnotazzjonijiet ovvji u l-importanza tas-suġġett, din it-tema torbot ukoll mal-hekk imsejjaħ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-prinċipji tiegħu. Waqt din il-laqgħa, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom fuq l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ dan is-settur, fl-ambitu lokali fil-kuntest Ewropew.

L-iżvilupp soċjali jinkorpora ħafna aspetti li jagħmlu parti mill-ħajja ta’ kuljum, fosthom l-impjiegi, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa, u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Matul il-konsultazzjoni, hu mistenni li fil-fatt, dawn it-temi se jkunu prominenti fid-diskussjoni.

Permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi, Malta ngħaqdet ma’ 26 Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fi proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Futur tal-Ewropa. Dawn il-konsultazzjonijiet qegħdin jiffukaw fuq diversi temi li huma ta’ interess partikolari fil-kuntest ta’ Malta u l-interessi taċ-ċittadini Maltin bħala ċittadini Ewropej. Il-MEUSAC ġie inkarigat biex jorganizza dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni.

Bħala riżultat ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, il-punti kollha mqajma mill-udjenza ser ikunu miġbura f’rapport, li se jitressaq lill-Gvern Malti, li min-naħa tiegħu, se jressaq dawn l-opinjonijiet waqt il-laqgħa għall-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta’ Diċembru.

Biex tirreġistra agħfas hawn.

Click here for the English version.

« Back

other events