Diskussjoni Pubblika: Soċjetà Ugwali, Soċjetà Sħiħa

04 March 2021

Biex infakkru l-Jum Internazzjonali tal-Mara u biex inżommu ħaj id-dibattitu dwar aktar sforzi meħtieġa favur ugwaljanza sħiħa, il-MEUSAC u Europe Direct Valletta qegħdin jorganizzaw diskussjoni pubblika onlajn, bit-tema, ‘Soċjetà Ugwali, Soċjetà Sħiħa’, nhar il-Ħamis, 4 ta’ Marzu 2021, bejn is-14:00 u t-15:30.

Flimkien ma’ kelliema intiżi fis-suġġett, niddiskutu temi ewlenin li joħorġu mill-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, fil-kuntest ta’ Malta bħala Stat Membru fl-Unjoni Ewropea:
1. Soċjetà sħiħa, ħielsa mill-isterjotipi u mill-vjolenza;
2. Soċjetà sħiħa, b’ekonomija bbażata fuq l-ugwaljanza;
3. Soċjetà sħiħa, b’demokrazija parteċipattiva fil-livelli kollha ta’ tmexxija.

Id-diskussjoni titmexxa mill-ġurnalista ta’ TVM, Fiorella Pace.

It-temi magħżula għal din id-diskussjoni, għaldaqstant jirriflettu l-ħsieb tal-Istrateġija, ‘Fin-negozju, fil-politika u fis-soċjetà b’mod ġenerali, nistgħu biss nilħqu l-potenzjal kollu tagħna jekk nużaw it-talent u d-diversità kollha li għandna.’

Ma nistgħux nitkellmu dwar soċjetà sħiħa jekk ma jkollniex soċjetà li tqis u taġixxi bħala soċjetà fejn l-isforzi u l-ġlieda għall-ugwaljanza jibqgħu jkunu meħtieġa.

Irreġistra biex tipparteċipa onlajn permezz ta’ Zoom u tgħid tiegħek dwar is-suġġett, billi tibgħat email bid-dettalji tiegħek fuq info.meusac@gov.mt.

« Back

other events