Diskussjoni Pubblika: Lejn EKOnomija Sostenibbli

04 November 2020

Din id-diskussjoni pubblika onlajn, organizzata mill-MEUSAC u Europe Direct Valletta waqt ġimgħa ta’ attivitajiet biex tippromwovi s-servizzi tagħha u tqarreb aktar liċ-ċittadini lejn l-Unjoni Ewropea, kienet maħsuba biex toħroġ m’mod li jinftiehem, x’timplika l-mira tal-Unjoni Ewropea li tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sas-sena 2050.

Fid-diskussjoni ħadu sehem dawn il-kelliema: il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela; il-Membru Parlamentari Miriam Dalli; il-Kap tad-Dipartiment għall-Kordinament tal-UE Glenn Micallef; u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb. Saru interventi wkoll mill-Kap Esekuttiv ta’ Nature Trust Malta, Vince Attard, u mill-Uffiċjal Internazzjonali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Nigel Caruana.

Id-diskussjoni ffukat fuq kif nistgħu naslu għal ekonomija sostenibbli billi ma jkollniex tniġġis aktar milli jista’ jiġi kkontrollat billi jew jiġi mnaqqas jew jinħażen b’teknoloġiji u infrastruttura apposta. Hawn fejn tidħol l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li jinvestu f’sistemi li jwasslu għal dawn il-miri. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa mfassal għal dan il-għan, biex permezz ta’ inizjattivi u liġijiet, jinbidlu l-modi tas-sistemi tat-trasport fuq l-art u bil-baħar, l-industrija, l-enerġija u l-agrikoltura, fost l-oħrajn, biex l-ekonomija u l-klima jimxu id f’id.

Permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, qed jiġu xprunati prattiċi tajba f’setturi varji, fosthom fil-mod kif nipproduċu l-ikel u li dan ikun ta’ kwalità għolja, li l-prodotti jiġu manifatturati b’mod li jkunu riċiklabbli, u kif l-iskart jista’ jiġi użat bħala riżorsa li minnha tiġi ġġenerata l-enerġija.

L-inizjattivi kollha li jwasslu għall-kisba tal-mira tal-2050, fl-istess waqt ikunu qegħdin jgħollu l-livell tal-ħajja, kemm f’dik li hi saħħa u kemm f’dik li hi sikurezza, waqt li jiġġeneraw impjiegi ġodda f’setturi ġodda u li jkunu aktar sostenibbli.

Il-kelliema kollha aċċennaw għall-fatt li biex tintlaħaq il-mira tal-2050, jinħtieġ li nibdew mil-lum permezz ta’ edukazzjoni, għarfien, bdil ta’ mentalità u azzjonijiet konkreti, mill-gvern, l-intrapriżi, il-ħaddiema u kull wieħed u waħda minna.

Sfond
Din kienet l-ewwel minn serje ta’ erba’ diskussjonijiet pubbliċi b’temi differenti li qegħdin isiru kull nhar ta’ Erbgħa, f’Novembru, mill-MEUSAC u Europe Direct Valletta, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta.

It-temi magħżula huma temi li fuqhom qegħdin jinbnew l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin: it-Tranżizzjoni Ekoloġika, it-Tranżizzjoni Diġitali, ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, u l-Aġenda Soċjali tal-Unjoni Ewropea. Aktar tagħrif hawn.

« Back

other events