Diskussjoni Pubblika: Ix-Xogħol għall-Bniedem? Jew il-Bniedem għax-Xogħol?

18 November 2020

Fl-aħħar żewġ deċennji, il-qasam tax-xogħol fid-dinja u fl-Unjoni Ewropea nbidel drastikament u b’diversi modi mis-snin ta’ qabel. Il-pandemija ħalliet ukoll l-effetti tagħha f’dan il-qasam, aktar u aktar għaliex ix-xogħol hu parti kbira mill-ħajja tal-bniedem.

Fit-tielet diskussjoni onlajn organizzata minn Europe Direct Valletta u l-MEUSAC dwar temi ewlenin fl-Unjoni Ewropea, il-ġurnalist ta’ TVM, Keith Demicoli itratta l-iżviluppi fil-qasam tax-xogħol, anki fil-kuntest ta’ prattiċi ġodda ta’ xogħol, u ta’ miżuri kemm fuq livell ta’ Unjoni Ewropea u wkoll fuq livell nazzjonali. Id-diskussjoni ffukat fuq id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata u miżuri biex jintlaħaq aktar bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fir-rwoli tagħhom fl-impjieg u fil-ħajja tal-familja.

Mid-diskussjoni ħareġ li l-pandemija bidlet ħafna prattiċi ta’ xogħol li fihom wieħed irid joqgħod aktar attent biex jagħmel distinzjoni bejn il-ħin tax-xogħol u dak għall-ħajja privata. Min-naħa l-oħra, kien hemm aktar lok għal komunikazzjoni bejn il-ħaddiema u min jimpjegahom dwar kompromessi fi ħtiġijiet ġodda li l-pandemija stess ħolqot.

Dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol intqal li fl-aħħar 20 sena, in-numru ta’ ħaddiema f’Malta żdied bid-doppju – żieda li ġiet anki mill-fatt li r-rwol tal-mara ġie aktar ikkunsidrat daqs tar-raġel. Min-naħa l-oħra, filwaqt li r-rwoli tan-nisa u l-irġiel jibqgħu  differenti, ir-responsabbiltajiet għandhom jitqiesu ndaqs u għalhekk, filwaqt li jingħataw aktar inċentivi biex in-nisa joħorġu jaħdmu, l-irġiel ma jistgħux jitħallew barra, għaliex dan inaqqas mir-responsabbiltà tal-irġiel fit-trobbija.

Meta mistoqsija dwar kif jaraw il-futur tax-xogħol, il-kelliema qalu li:

  • il-bidliet fin-natura tax-xogħol jinħtieġu taħriġ kontinwu tul il-ħajja u allura l-bilanċ m’għandux ikun biss bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, imma wkoll bejn ix-xogħol u t-taħriġ;
  • ir-relazzjoni futura bejn il-ħaddiema u dawk li jħaddmuhom f’dinja dejjem aktar teknoloġika, għandha tinbena aktar fuq il-fiduċja bejn iż-żewġ naħat;
  • il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jintlaħaq u jinżamm jekk il-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politiki, id-deċiżjonijiet u l-inċentivi li jittieħdu.

Il-kelliema fid-diskussjoni kienu l-Ministru Carmelo Abela, Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi; Is-Sa Diane Vella Muscat – Direttur Ġenerali tal-istess Dipartiment; il-Prof. Godfrey Baldacchino u Dr Anna Borg – chairperson tal-Bord u Lettur taċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol, rispettivament; u s-Sur Jesmond Marshall mill-General Workers’ Union.

« Back

other events