Diskussjoni Pubblika: Ewropa sinkronizzata fl-Era Diġitali

11 November 2020

F’din it-tieni diskussjoni minn sensiela ta’ erbgħa dwar temi ewlenin għall-futur tal-Unjoni Ewropea ġiet diskussa t-tranżizzjoni diġitali li minnha jibbenefika kull individwu. Hija tranżizzjoni li biha, iċ-ċittadini jkollhom l-opportunità jimxu ’l quddiem, jagħżlu kif jikkomunikaw u jħossuhom sikuri fid-dinja diġitali. In-negozji għandu jkollhom pjattaformi biex jibdew negozju, isibu data li għandhom bżonn, jikbru fl-innovazzjoni u jikkompetu b’mod ġust. Is-soċjetà għandha tgawdi minn sostenibbiltà soċjali u ambjentali, u ambjent diġitali sikur li jirrispetta l-privatezza, id-dinjità, u l-integrità fi trasparenza sħiħa.

Il-kelliema ewlenin fil-laqgħa kienu l-Minsitru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, il-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba, il-Kap esekuttiv ta’ Tech MT, Dana Farrugia u l-Kap Amministratur tal-Fondazzjoni eSkills Malta, Carm Cachia.

Fost il-punti li tqajmu fil-laqgħa, ingħad li l-pandemija ħaffet il-ħtieġa li naqilbu t-teknoloġija u l-ekonomija għal waħda diġitali, li ma kinitx faċli għal min ma kienx preparat. Dan joħroġ il-bżonn li waqt li jissaħħu s-sistemi u l-ħiliet diġitali, ma tikbirx il-qasma diġitali minn dawk li m’għandhomx il-ħiliet u l-għodda meħtieġa, iktar u iktar meta hu stamt li fil-futur, mas-70% tal-ħiliet li se jkollna bżonn, se jkunu diġitali.

Dwar il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam diġitali, intqal li fl-aħħar 20 sena, żviluppaw ħafna modi ta’ komunikazzjoni, xiri u aċċess għall-informazzjoni, li bidlu l-istil ta’ ħajja u ġabu diversi benefiċċji għall-konsumaturi u n-negozji nfetħulhom opportunitajiet ġodda barra minn xtutna. Min-naħa l-oħra, dawn l-avvanzi ġabu riskji ġodda ta’ prodotti illegali, attivitajiet u kontenut illegali. Pjattaformi kbar onlajn jikkontrollaw is-sistemi fl-ekonomija diġitali, mhux biss fin-negozju imma wkoll l-aċċess għad-data b’vantaġġi kbar għal aċċess għall-kontroll ta’ servizzi oħra. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea qiegħda fi stadju avvanzat biex taġġorna l-leġiżlazzjoni tagħha permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali li jagħti aktar protezzjoni lill-konsumaturi, li ħafna drabi ma jkunux konxji li l-prodotti li jixtru minn pajjiżi terzi mhux dejjem ikunu skont l-istandards tal-Unjoni Ewropea.

Il-pakkett ta’ proposti dwar is-servizzi diġitali hu mibni fuq żewġ pilastri: regoli ċari dwar ir-responsabbiltajiet tas-servizzi diġitali li jindirizzaw ir-riskji minn min jużahom u jipproteġu d-drittijiet tagħhom. Fost l-oħrajn, permezz ta’ sistema ta’ koperazzjoni, jiġu sorveljati l-pjattaformi u jiggarantixxu infurzar effettiv. It-tieni pilastru hu li jiġi assigurat li l-kompetittività tibqa’ miftuħa mingħajr monopolju ta’ kumpaniji ġganti li ma jħallux spazju għal negozji żgħar li jikkompetu.

Il-kelliema fil-laqgħa għamlu enfasi fuq il-ħtieġa tal-investiment fil-kapital uman u fil-ħiliet diġitali, għaliex dawn huma l-bażi tal-impjiegi, il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-Ewropa tal-futur.

« Back

other events