Opportunitajiet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għal Żoni Rurali fil-Majjistral

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 01.02.2021

Fost in-numru kbir ta’ programmi ta’ fondi f’kull qasam, l-Unjoni Ewropea tagħti fondi lill-Istati Membri għall-Iżvilupp Rurali, li l-iskop tagħhom hu li ġġib ’il quddiem il-ħajja soċjali u ekonomika ta’ lokalitajiet li ma jitqisux bħala bliet.

Wieħed minn dawn il-programmi ta’ fondi hu msejjaħ LEADER, li għandu l-għan ġenerali li jixpruna l-iżvilupp rurali billi jgħin fit-tkabbir tal-ekonomija rurali, il-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet, kif ukoll l-investiment fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta’ residenti ta’ żoni rurali.

F’Malta u Għawdex insibu tliet reġjuni eliġibbli għall-fondi tal-LEADER, li huma l-Majjistral, ix-Xlokk u Għawdex. Bħalissa hemm opportunitajiet għal entitajiet mhux governattivi, kunsilli lokali, u individwi fir-reġjun tal-Majjistral, biex jibbenefikaw minn fondi tal-LEADER. It-territorju tal-Majjistral jinkludi l-lokalitajiet ta’ Ħad-Dingli, L-Imtarfa, Ir-Rabat, Is-Siġġiewi, L-Iklin, Il-Mellieħa, In-Naxxar, Is-Swieqi, San Pawl il-Baħar, Ħal Għargħur u l-Imġarr. Proġetti eliġibbli għall-fondi f’dan ir-reġjun iridu jikkonsistu f’attivitajiet li jkunu ser jittellgħu f’dawn il-lokalitajiet. Dan jassigura li jkun hemm rabta b’saħħitha bejn il-proġetti proposti u t-territorju konċernat.

B’mod tanġibbli, dawn il-proġetti jissarrfu f’impatt pożittiv għal entitajiet lokali, u fl-aħħar mill-aħħar għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Eżempju ta’ entità lokali li bbenefikat minn dawn il-miżuri hija s-Salesian Brigade, għaqda mhux governattiva għaż-żgħażagħ bi skop kulturali li bbenefikat minn ftit iktar minn €50,000 taħt dan il-programm. Il-proġetti ta’ din l-għaqda taħt il-miżuri varji tal-LEADER inkludew investiment fi ktieb li jiġbor l-istorja tal-għaqda, investiment f’tagħmir għall-attivitajiet regolari tagħhom, tisbiħ tal-ambjent naturali ħdejn il-kwartieri tagħhom, kif ukoll proġett ta’ restawr fuq il-bini stess tal-kwartieri tagħhom ġewwa l-Park ta’ Natura u Storja tal-Majjistral f’Għajn Tuffieħa.

Bħalissa hemm erba’ miżuri miftuħin għar-reġjun tal-Majjistral:

  • Restawr ta’ Siti ta’ Valur Artistiku u Kulturali (Miżura 1), li biha jistgħu jiġu attwati proġetti ta’ restawr ta’ assi ta’ valur kulturali bħal oġġetti reliġjużi jew siti storiċi;
  • It-Tisħiħ tal-Identità Kulturali (Miżura 2), li tiffinanzja l-promozzjoni ta’ avvenimenti u attivitajiet li jippromwovu l-kultura lokali, bħall-investiment f’tagħmir għas-sostenibiltà ta’ attivitajiet kulturali u/jew tisbiħ tal-post fejn jittellgħu dawn l-avvenimenti;
  • Il-Promozzjoni tal-Wirt Kulturali (Miżura 3), għall-promozzjoni tal-Majjistral bħala destinazzjoni turistika billi jiġu ffinanzjati attivitajiet bl-intenzjoni ta’ promozzjoni tal-prodott turistiku tal-Majjistral. Interventi eliġibbli jinkludu investiment f’videos u pubblikazzjonijiet promozzjonali, u sinjali f’postijiet pubbliċi li jiġbdu l-attenzjoni ta’ viżitaturi tal-postijiet ta’ valur turistiku fil-Majjistral;
  • L-Iżvilupp ta’ Infrastruttura Ambjentali (Miżura 4), li tiffoka fuq investimenti għat-tħaddir tal-Majjistral, bħal tħawwil ta’ siġar u/jew pjanti indiġeni jew investimenti li huma favur l-ambjent bħat-tneħħija ta’ speċi invażivi.

Taħt kull sejħa jistgħu jiġu koperti sa mhux aktar minn 80% tal-ispejjeż.

Entitajiet interessati f’dawn il-miżuri huma mħeġġa sabiex jikkuntattjaw lill-MEUSAC minnufih ladarba d-dati ta’ skadenza li jmiss għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni huma s-26 ta’ Frar 2021 u t-30 ta’ Marzu 2021. L-iskadenza tat-30 ta’ Marzu mhijiex garantita u tiddependi minn kemm jiġu allokati fondi taħt l-iskadenza ta’ Frar.

L-Aġenzija MEUSAC tista’ tassisti entitajiet bla skop ta’ qligħ fil-proċess ta’ applikazzjoni, bħal Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux governattivi. Dan jinkludi l-mili tal-applikazzjoni kif ukoll gwida fuq id-dokumenti li jridu jinġabru u jiġu mehmuża mal-applikazzjoni.

Għal aktar tagħrif fuq fondi Ewropej tistgħu ċċemplu fuq 2200 3300 jew tikkuntattjawna fuq info.meusac@gov.mt sabiex inkunu nistgħu nirrispondu l-mistoqsijiet tagħkom u/jew niffissaw appuntament sabiex niddiskutu l-ideat tagħkom.

« Back