Naħsbu fil-ġenerazzjonijiet ta’ llum u ta’ għada

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Maniġer tal-Komunikazzjoni fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 18.02.2021

Fl-aħħar għexieren ta’ snin, il-popolazzjoni fl-Ewropa nbidlet b’rata mgħaġġla, primarjament għaliex in-nies saru jgħixu iktar fit-tul. Din ix-xejra mistennija tkompli tikber fis-snin li ġejjin, hekk kif fl-Unjoni Ewropea, waqt li bħalissa 20% tal-popolazzjoni għandha ’l fuq minn 65 sena, din mistennija titla’ għal 30% sas-sena 2070. Minħabba li kulma jmur, in-nies qed jgħixu iktar fit-tul, in-numru ta’ nies li jkollhom ’il fuq minn 80 sena mistenni jirdoppja minn kif inhu llum u jilħaq it-13% sal-2070. Min-naħa l-oħra, sa dak iż-żmien, il-popolazzjoni Ewropea mistennija tinxtorob bi 18%.

Dawn ix-xejriet fil-popolazzjoni jġibu sfidi ġodda għas-soċjetajiet u l-mexxejja tagħhom, u jitolbu li d-deċiżjonijiet li jittieħdu u l-politiki li jitfasslu, jaħsbu għall-quddiem. Il-pandemija tal-COVID-19 m’għenitx biex l-affarijiet jitjiebu, għaliex waqt li l-konsegwenzi marbuta mat-tibdil fil-popolazzjoni jibqgħu hemm, il-gvernijiet kellhom jiffukaw fuq prijoritajiet oħra waqt li jibqgħu jsostnu l-ġenerazzjoni anzjana.

Ftit eżempji, mingħajr ħafna numri, jgħinuna nifhmu aħjar x’effetti għandu t-tixjiħ tal-popolazzjoni: jiżdiedu l-persuni li jnaqqsu mill-ħin tax-xogħol tagħhom biex jieħdu ħsieb membri anzjani fil-familja; jiżdiedu bi kważi d-doppju sal-2050, il-persuni li jkollhom bżonn kura fit-tul; jonqos in-numru ta’ dawk li jaħdmu biex jagħmlu tajjeb għall-persuni rtirati.

Għalkemm id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet marbuta mal-effetti tat-tibdil fil-popolazzjoni huma f’idejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea tista’ tkun effettiva ħafna biex tidentifika x’azzjonijiet komuni jistgħu jittieħdu u tgħin fl-iżvilupp u l-kordinament ta’ politiki għal kull Stat Membru. Għall-Unjoni Ewropea, it-tibdil mgħaġġel fil-popolazzjoni għandu jingħata importanza daqs l-azzjoni dwar il-klima u daqs it-tranżizzjoni diġitali.

Għaldaqstant, f’Ġunju tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport bi statistika dwar it-tibdil fil-popolazzjoni u l-effetti tiegħu fl-Ewropa. Mir-rapport ħareġ li f’dak li tagħmel l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam m’għandux jitpoġġa kulħadd f’keffa waħda, għaliex ir-realtajiet tal-Istati Membri huma differenti. Madankollu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jaġixxu flimkien biex jindirizzaw l-effetti tat-tibdil fil-popolazzjoni u jilqgħu għall-futur. Bħala riżultat ta’ dak ir-rapport, ftit tal-ġranet ilu, il-Kummissjoni nediet dokument (Green Paper) dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni li jservi ta’ bażi għal konsultazzjoni pubblika dwar x’inhuma u x’se jkunu l-isfidi ewlenin f’dan il-qasam fis-snin li ġejjin u kif dawn għandhom jiġu indirizzati.

Il-konsultazzjoni tagħlaq fil-21 ta’ April 2021 u kull min jixtieq jikkontribwixxi jista’ jfittex fuq l-internet – Green Paper on Ageing – u jsib kif għandu jwieġeb il-kwestjonarju tal-konsultazzjoni. Mir-risposti li jintbagħtu lill-Kummissjoni, tkun tista’ tevalwa xi jkunu l-aħjar passi li jittieħdu.

Il-mistoqsijiet huma msejsa fuq dawn il-punti li ġejjin: il-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja b’saħħitha u attiva sa minn età żgħira, flimkien mal-promozzjoni ta’ edukazzjoni tul il-ħajja; il-ħtieġa ta’ żieda fl-impjiegi u l-produttività biex tiżdied il-popolazzjoni li taħdem; it-tisħiħ tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali biex jindirizzaw ir-riskju tal-faqar għal persuni ta’ età avvanzata; attenzjoni ikbar għas-sistemi tas-saħħa u ta’ kura u dawk tal-pensjonijiet fl-Istati Membri biex dawn ikunu adattati għal popolazzjoni li dejjem tixjieħ; kif l-isfidi marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni jitqiesu bħala opportunitajiet biex isiru investimenti f’servizzi u teknoloġiji ġodda li jaqdu l-bżonnijiet ta’ kulħadd; iż-żieda fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet biex dawk ta’ etajiet żgħar iwieżnu lil dawk ta’ età ikbar, l-iktar permezz tal-volontarjat li jista’ jtaffi ħafna s-solitudni u l-esklużjoni soċjali.

Fuq dan il-punt tal-aħħar, kulħadd jista’ jaħseb ftit aktar dwar x’jista’ jagħmel biex jagħti aktar kas ta’ xi persuni kbar fl-età li jista’, bi ftit attenzjoni jgħinhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Niftakru li t-tixjiħ tal-popolazzjoni ma jaffettwax biss l-etajiet il-kbar, imma lil kulħadd, mill-kbar saż-żgħar.

« Back