2020 – Sena ta’ prova

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer tal-Komunikazzjoni fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 04.01.2021

Is-sena 2020 tibqa’ mniżżla fl-istorja bħala s-sena tal-pandemija, li serviet ta’ prova b’diversi modi, fuq diversi livelli. Kienet sena li laqtet lil ħafna bil-mard, lil oħrajn bit-telfa ta’ xi ħadd għażiż, u oħrajn bit-telf finanzjarju. Għal ħafna setgħet fissret inċertezza, taqlib fir-rutina, fl-istil tal-ħajja tagħhom u fil-pjanijiet li kellhom.

Meta faqqgħet il-pandemija, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea wkoll b’xi mod jew ieħor inqabdu fuq sieq waħda. Waqt li ħafna nies bdew iħossuhom ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu, kien hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tingħaqad biex tilqa’ għall-effetti ħżiena tal-pandemija. Kien hemm bżonnha biex tagħti direzzjoni, tikkoordina u taqsam l-aħjar riżorsi bejn l-Istati Membri, fosthom dawk l-aktar milquta.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-Istati Membri flimkien għarfu li s-saħħa tal-Unjoni Ewropea tinsab fl-għaqda, biex kemm jista’ jkun jiġu salvati l-ħajjiet, l-impjiegi u n-negozji, jinstab il-vaċċin u jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-ekonomiji jerġgħu jirkupraw kemm jista’ jkun malajr.

Nistgħu ngħidu li f’din il-prova kbira tal-pandemija, saru ħafna kisbiet mill-Unjoni Ewropea, fosthom li ddedikat il-fondi meħtieġa għar-riċerka biex instab vaċċin fi żmien relattivament qasir u li issa jista’ jingħata b’mod gradwali lil kull min jista’ jieħdu. Is-saħħa tal-Unjoni Ewropea li tissellef f’isem l-Istati Membri għamlitha wkoll possibbli li dawk l-iktar milquta jkollhom il-finanzi meħtieġa biex iwieżnu l-impjiegi u l-ekonomiji tagħhom.

Lejn l-aħħar tas-sena ttieħdu diversi deċiżjonijiet importanti mill-Istati Membri flimkien fil-Kunsill Ewropew, li jawguraw tajjeb għas-snin li ġejjin. Lejn l-aħħar tas-sena, il-mexxejja Ewropej qablu fuq il-baġit fit-tul tal-Unjoni għall-2021-2027 li jissarraf f’1.8 triljun ewro, li 750 biljun minnhom huma fond ta’ rkupru – Next Generation EU – li nħoloq apposta biex l-ekonomiji jirkupraw mill-pandemija, u jimxu lejn tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u sostenibbli. Dawn huma meqjusa bħala l-pilastri tal-Unjoni Ewropew fis-snin li ġejjin, iktar u iktar biex jintlaħqu l-miri għal newtralità fil-klima sal-2050. Dan ifisser l-iktar li l-emissjonijiet fl-Ewropa għandhom jitnaqqsu b’55% mil-livelli tal-1990 sal-2030. Minn din is-sena għandu jkun hemm iktar azzjonijiet deċiżivi biex din il-mira tintlaħaq, imma wkoll biex l-Unjoni Ewropea tkun ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja fejn tidħol l-azzjoni dwar il-klima.

Wara snin ta’ negozjati intensivi, l-iktar fl-aħħar disa’ xhur, intlaħaq ukoll il-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea b’mod ordnat. Fl-1 ta’ Jannar, ir-Renju Unit ħareġ mis-Suq Waħdieni u l-Unjoni Doganali, bi ftehim dwar kif se tkun ir-relazzjoni l-ġdida bejn iż-żewġ naħat, li issa jkun jinħtieġ iż-żmien tiegħu biex jaħdem kif miftiehem.

Is-sena 2021 żgur li se tkun sena li toffri sfidi ġodda, li wieħed jittama li tispiċċa mingħajr il-pandemija. Għall-Unjoni Ewropea, tkunx aħjar jew agħar jiddependi minn kif jaħdmu flimkien il-pajjiżi membri minn dak li tgħallimna fil-pandemija, biex jerġgħu jinbnew l-ekonomiji, għalkemm issa l-enfasi trid tkun aktar fuq l-ekonomiji sostenibbli u fuq sistemi b’saħħithom li jilqgħu għall-kriżijiet, fosthom dawk tas-saħħa.

Fl-aħħar mill-aħħar, kollox jiddependi minn kemm inkunu tgħallimna mis-sena li għaddiet, jiġifieri kemm waqt il-prova rnexxielna ndawru l-isfidi f’opportunitajiet, nagħrfu d-għufijiet tagħna u nsaħħu s-sisien għall-futur. Jekk għall-Unjoni Ewropea, l-importanza tal-għaqda bejn l-Istati Membri kienet l-ikbar lezzjoni, din għandha tiġi applikata għal kull azzjoni li minnha tibbenefika l-Ewropa kollha u ċ-ċittadini tagħha.

Matul is-sena kull min jixtieq ikun jaf aktar dwar l-Unjoni Ewropea, ikollu xi diffikultà dwar xi liġijiet jew opportunitajiet ta’ fondi jikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew jibgħat email info.meusac@gov.mt.

« Back