Karta ħamra għall-vjolenza domestika

Artiklu ppubblikat fil-magażin Sportiv – 26.12.2020

Kulħadd jaqbel li l-vjolenza domestika hija pjaga għas-soċjetà tagħna. Is-suġġett jerġa’ jkun fuq fomm kulħadd kull meta sfortunatament il-vjolenza domestika twassal għal qtil jew inċidenti ta’ natura gravi. U dan minkejja li ħafna drabi l-vittmi jsofru fis-skiet u ripetutament.

Filwaqt li huwa tajjeb li wieħed jagħraf li din hi problema reali li tista’ taffettwa lil kulħadd, wieħed tajjeb jagħraf ukoll ir-raġunijiet li għalihom persuna tgħaddi minn abbuż domestiku, inkluż raġunijiet relatati mal-isport.

Fis-sajf tal-2018, hekk kif id-dinja kienet medhija bit-Tazza tad-Dinja tal-futbol, grupp ta’ akkademiċi mill-Università ta’ Lancaster fl-Ingiliterra ħarġu statistika li tgħid li l-għada li l-Ingilterra tilfet logħba, in-numru ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika ‘li kienu rrappurtati lill-pulizija’ fil-belt ta’ Lancaster biss, żdiedu bi 38%. L-istess ġara fi ġranet oħra meta l-Ingilterra ma rebħux iżda lanqas tilfu (26%) u l-għada li tkun intlagħbet logħba (11%). Filwaqt li dan l-istudju sar biss f’belt waħda, f’pajjiż wieħed, kienu bosta dawk li ngħaqdu biex jitkellmu dwar is-suġġett u jitfgħu dawl kif kull sitwazzjoni tista’ tkun ‘skuża’ għal dan l-aġir barbaru.

Ovvjament wieħed irid jifhem ukoll li mhux neċessarjament riżultat ta’ logħba waħdu jista’ jwassal għal dan l-aġir. Bħalma bosta jafu, l-isport b’mod ġenerali marbut mhux ftit mal-logħob tal-flus, anke fuq l-idejn, mal-abbuż minn sustanzi illegali u xorb alkoħoliku żejjed. Dawn, flimkien ma’ riżultati li forsi jafu ma jmorrux kif wieħed jixtieq, jafu joħolqu ‘skuża’ biex tiżdied il-vjolenza domestika.

L-Unjoni Ewropea tassigura li n-nisa huma protetti minn vjolenza domestika permezz ta’ qafas legali f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, Direttiva maħruġa fl-2012, tassigura d-drittijiet minimi ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika flimkien ma’ sistemi li jipprovdu s-sapport kollu neċessarju, kemm dak emozzjonali kif ukoll dak fiżiku, permezz ta’ aċċess għal residenza temporanja (shelters).

Madwar l-Unjoni Ewropea kollha jeżistu wkoll strumenti li jagħmlu tajjeb f’każijiet ta’ ordni ta’ trażżin favur vittmi ta’ vjolenza domestika. Fil-fatt, dawn l-istrumenti jassiguraw, permezz ta’ proċess li mhuwiex burokratiku, li vittmi jibqgħu jgawdu l-istess protezzjoni legali anke meta dawn jimxu minn Stat Membru għall-ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Gvernijiet ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u gruppi mhux governattivi għandhom ukoll il-faċilità li jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex titqajjem kuxjenza madwar il-kontinent dwar dan is-suġġett. Il-proġett CEASE, kofinanzjat mill-Programm ‘Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza’ tal-Kummissjoni Ewropea, ġie stabbilit sabiex jinħolqu fora ta’ kumpaniji fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Huwa stmat li waħda minn kull tliet nisa, xi darba f’ħajjithom ser jesperjenzaw xi forma ta’ vjolenza, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika. Għaldaqstant dan il-proġett qiegħed jagħti l-opportunità lil min iħaddem biex ikun parteċipi fil-ġlieda kontra l-abbuż li hu stmat li jiswa lill-industrija €258 biljun fis-sena.

Inċidentalment, il-Kummissjoni Ewropea għall-ewwel darba ħatret Kummissarju għall-Ugwaljanza. Il- Maltija, Dr Helena Dalli ngħatat dan il-portafoll bħala responsabbiltà waħda. Fost ir-responsabbiltajiet tal-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, insibu t-tisħiħ tal-oqsma relatati mar-rispons tal-Unjoni Ewropea quddiem il-vjolenza sessista, l-appoġġ u l-protezzjoni aħjar għall-vittmi, inklużi standards minimi biex jiġu ddefiniti ċerti tipi ta’ vjolenza. Id-Direttiva msemmija qabel f’dan l-artiklu wkoll ser tkun qed terġa’ tiġi eżaminata sabiex tiżgura iktar approċċ sħiħ f’oqsma ta’ vjolenza domestika.

Ir-realtà hi li m’għandhomx ikunu traġedji li nisimgħu bihom fl-aħbarijiet li jwasslu għal qawmien ta’ kuxjenza u azzjoni dwar is-suġġett. L-Unjoni Ewropea qed tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li dan isir f’kull Stat Membru, anke permezz ta’ qafas legali iktar komprensiv f’dan ir-rigward.

« Back