Il-MEUSAC fl-2020

Artiklu miktub minn Kurt Cortis – Uffiċjal fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 21.12.2020

Bħal fis-snin li għaddew, matul l-2020 il-MEUSAC kienet impenjata li tkompli tgħin liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet f’pajjiżna biex jieħdu l-aħjar mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea billi twasslilhom l-informazzjoni u tinvolvihom f’dak li jkun għaddej matul is-sena.

Minkejja li ma kinitx sena faċli, ħassejna aktar il-bżonn li nikkomunikaw kif l-Unjoni Ewropea kienet qiegħda tirreaġixxi għall-isfidi l-kbar tal-pandemija, l-aktar fejn tidħol is-saħħa pubblika u l-andament tal-ekonomija għall-impjiegi u n-negozji.

Matul is-sena ridna wkoll li mmorru lil hinn mill-pandemija. Permezz ta’ attivitajiet onlajn u l-mezzi ta’ komunikazzjoni komplejna nwasslu lin-nies kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tħares ’il quddiem fil-pjanijiet tagħha dwar suġġetti importanti bħall-klima, is-saħħa, id-dinja diġitali, il-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-immigrazzjoni.

Il-qofol tas-sena ntlaħaq matul ġimgħa ta’ attivitajiet f’Novembru, li permezz tagħha wassalna aspetti differenti tal-Unjoni Ewropea lil diversi kategoriji ta’ nies b’interessi differenti. Din is-sena nidejna wkoll pubblikazzjoni għal qalbna ħafna, li hi ktieb għat-tfal ta’ 11 u 12-il sena dwar l-Unjoni Ewropea bi storja ta’ Trevor Żahra. Kopji ta’ dan il-ktieb se jitqassmu fl-iskejjel kollha fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Matul is-sena kompliet ukoll il-ħidma tagħna fejn jidħlu l-fondi Ewropej billi assistejna diversi entitajiet, fosthom għaqdiet volontarji, entitajiet governattivi u kunsilli lokali biex ngħinuhom jiżviluppaw ideat ta’ proġetti innovattivi u jiktbu l-applikazzjoni neċessarja. Fl-aħħar sena tal-programm ta’ fondi Ewropej kurrenti (2014-2020), il-MEUSAC kienet involuta fis-sottomissjoni ta’ ’l fuq minn 90 applikazzjoni għall-fondi. Dawn il-proġetti ġew sottomessi taħt programmi diversi bħall-Erasmus+, il-Programm tal-Konsumatur, u l-Fond Soċjali Ewropew.

Dan il-proċess kien jinvolvi ’l fuq minn 260 laqgħa ma’ diversi organizzazzjonijiet differenti, inklużi negozji u għaqdiet mhux governattivi. F’dawn il-laqgħat niddiskutu l-prijoritajiet u l-ambizzjonijiet ta’ dawn l-entitajiet, filwaqt li nagħtuhom informazzjoni fuq id-diversi opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għalihom permezz tal-fondi Ewropej.

Apparti dawn il-laqgħat, il-MEUSAC tipprovdi wkoll informazzjoni dwar fondi Ewropej permezz ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, bħalma tagħmel fuq inizjattivi u azzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea. Dwar fondi Ewropej biss, weġibna iktar minn 300 mistoqsija. Ħafna nies javviċinawna wkoll biex jistaqsu dwar opportunitajiet u benefiċċji marbuta mal-Unjoni Ewropea u kif ukoll dwar ilmenti li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej.

Minkejja l-pandemija, fejn jidħlu fondi Ewropej organizzajna seba’ sessjonijiet ta’ taħriġ fuq suġġetti diversi bħall-iżvilupp u l-kitba ta’ proġetti filwaqt li għamilna wkoll tliet sessjonijiet ta’ informazzjoni biex għaqdiet lokali jiġu informati dwar id-diversi opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għalihom. Is-sena d-dieħla se tkun sena oħra impenjattiva, minħabba li jibda jiġi attwat il-programmi l-ġodda tal-fondi tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027.

B’sodisfazzjon għalina u għal kull min juża s-servizzi tagħna, f’Settembru il-MEUSAC ġiet onorata bil-Premju ta’ Kwalità għas-Servizz Pubbliku. Dan il-premju jingħata lil dawk l-entitajiet li jeċċellaw fis-servizzi li jagħtu. Dan ifisser li l-MEUSAC hi rikonoxxuta mill-amministrazzjoni pubblika bħala aġenzija tal-Gvern li tista’ toqgħod fuqha, għax tagħti servizz b’effiċjenza u b’kortesija, li tikkomunika miegħek f’kull ħin u li tintlaħaq faċilment.

Aħna kommessi li nkomplu noffru din l-għajnuna bla ħlas u nħarsu ’l quddiem għas-sena li ġejja.

Matul is-sena, kull min hu interessat jista’ jsegwi dak li tkun qiegħda tagħmel il-MEUSAC u l-aħħar aħbarijiet mill-Unjoni Ewropea permezz tal-websajt (meusac.gov.mt) u kif ukoll il-paġna Facebook tal-aġenzija (facebook.com/meusacmalta). It-telefon tal-MEUSAC hu 2200 3300 u l-email, info.meusac@gov.mt.

« Back