Il-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Maniġer tal-Komunikazzjoni fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 07.12.2020

Din is-sena tibqa’ mfakkra għall-pandemija tal-COVID-19 li jekk xejn għallmitna kemm is-saħħa hi importanti għal kull wieħed u waħda minna. Il-pandemija wessgħet l-għarfien li kulħadd jagħraf fuq bażi individwali, jiġifieri li mikrobu, inċident jew marda jistgħu jaqilbulna ħajjitna u dik tal-familji tagħna ta’ taħt fuq. Dan għaliex indunajna kemm is-soċjetajiet li ngħixu fihom huma fraġli u kemm mis-saħħa jiddependu l-ekonomiji u l-popolazzjonijiet fl-Ewropa u fid-dinja.

Bir-raġun, f’sitwazzjonijiet bħal dawn nistennew li l-Unjoni Ewropea taġixxi malajr u b’mod effettiv. Iżda dan jiddependi wkoll minn kif jaġixxu l-Istati Membri, li meta faqqgħet il-pandmeija ħarġu d-difetti tagħhom fejn jidħlu l-preparazjoni u l-kordinament tas-sistemi tas-saħħa li jilqgħu għal kriżijiet bħal din.

Nistgħu ngħidu li wara ftit ġimgħat mill-bidu tal-pandemija, bdew jittieħdu azzjonijiet mill-Unjoni Ewropea biex tkun aktar preparata u b’saħħitha għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Rajna t-twaqqif ta’ mekkaniżmi għall-kordinament fit-twassil ta’ tagħmir mediku, ilbies protettiv, assistenza ta’ professjonisti, ikel u proviżjonijiet oħra. Iktar tard matul is-sena ġie assigurat ukoll li meta joħroġ il-vaċċin ikun disponibbli fl-Istati Membri kollha.

Bħala rispons għall-pandemija u kriżijiet oħra tat-tip tagħha li jistgħu jinqalgħu fil-futur, l-Unjoni Ewropea bdiet tfassal dik li tissejjaħ l-‘Unjoni Ewropea għas-Saħħa’ b’numru ta’ azzjonijiet li jservu ta’ bażi biex l-Istati Membri jiffaċċjaw flimkien theddidiet komuni għas-saħħa pubblika, b’sistemi b’saħħithom li jissarrfu f’saħħa aħjar għaċ-ċittadini kollha. Dawn il-miżuri jagħtu l-faċilità lill-Unjoni Ewropea li tiddikjara sitwazzjonijiet ta’ emerġenza biex l-Istati Membri flimkien ikollhom il-mekkaniżmi f’posthom biex jilqgħu għalihom, fosthom provisti adekwati ta’ mediċini u tagħmir.

Waħda mill-kisbiet tal-Unjoni Ewropea f’dan iż-żmien kienet it-tfassil ta’ bażi leġiżlattiva għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa, li tassigura li fil-futur tkun iktar preparata. Hekk, pereżempju qed jissaħħu ż-żewġ aġenziji tal-Unjoni Ewropea – iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija għall-Mediċini (EMA) – biex ikunu f’qagħda li jilqgħu aħjar għal sitwazzjonijiet ta’ saħħa li jaffettwaw Stati Membri f’daqqa. Fi ħdan l-ECDC se titwaqqaf Task Force għas-saħħa fl-Unjoni Ewropea li tkun tista’ tmur malajr fi Stati Membri, imma wkoll f’pajjiżi oħra li jkunu milquta minn mard li jittieħed. Is-saħħa ta’ dawn l-aġenziji tissarraf fil-prevenzjoni, tagħmir, u proċessi mħaffa ta’ ttestjar ta’ mediċini ġodda, permezz ta’ kordinament u qsim ta’ prattiċi tajba u għarfien xjentifiku. Is-sena d-dieħla se titwaqqaf ukoll Awtorità tal-Unjoni Ewropea għar-Rispons għall-Emerġenzi tas-Saħħa (HERA).

Fil-jiem li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Strateġija Farmaċewtika għas-snin li ġejjin. Permezz ta’ liġijiet u inizjattivi ġodda, l-Unjoni Ewropea trid tassigura li fl-Ewropa, il-mediċini jkunu disponibbli għal kull min għandu bżonnhom, u jkunu affordabbli, waqt li jibqgħu sikuri u tal-aqwa standard fid-dinja. Fiż-żmien li ġej, il-Kummissjoni se tkun qed toħroġ  Pjan kontra l-Kanċer, li wkoll hemm bżonn li jiġi indirizzat fuq livell Ewropew. Il-pjanijiet huma li l-Programm tal-Unjoni Ewropea għas-Saħħa hu li ma jindirizzax biss mard li jittieħed, imma wkoll mard bħal dak tal-qalb, respiratorju u d-dijabete, li huma wkoll theddidiet tas-saħħa li jħallu effetti ħżiena fuq is-saħħa u fuq l-ekonomiji.

Dan kollu se jkun possibbli minħabba li għall-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin se jkunu allokati €9.4 biljun, li hu madwar 20 darba iktar minn kemm l-Unjoni Ewropea investiet fil-baġit kurrenti. Dawn il-fondi se jkunu disponibbli mis-sena d-dieħla għall-Istati Membri, organizzazzjonijiet tas-saħħa u NGOs.

« Back