‘Mas-Siġra tal-Ballut’ – Ktieb bi storja għat-tfal fuq l-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 09.11.2020

Il-MEUSAC u Europe Direct Valletta għadhom kemm ippubblikaw ktieb għat-tfal ta’ 11 u 12-il sena dwar l-Unjoni Ewropea. Il-ktieb jibda bi storja ta’ Trevor Żahra dwar kif ors, brimba, serp, qanfud u ġojjin jgħaddu l-ħajja ta’ kuljum madwar siġra tal-ballut. Huma jafu lil xulxin u jitkellmu dwar dak li jgħaddu minnu. Għalkemm jafu li huma differenti ħafna minn xulxin, jagħrfu li d-differenzi ta’ bejniethom ma jfixkluhomx milli jgħixu flimkien fil-paċi madwar is-siġra tal-ballut! Sakemm jiġi l-fenek u jinqala’ l-għawġ! Inħallu f’idejn il-qarrejja biex jiskopru x’ġara billi jaqraw il-ktieb!

Abbażi tat-tagħlimiet mill-istorja, il-qarrejja jistgħu jgħaddu għal parti oħra, fejn jitgħallmu aktar dwar il-prinċipji ewlenin u l-valuri li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea, b’mod interessanti u b’lingwaġġ li jifhmuh.

Il-messaġġ ewlieni tal-ktieb hu bbażat fuq il-motto tal-Unjoni Ewropea,  ‘Magħqudin fid-Diversità’. Minkejja li kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandu l-identità tiegħu li toħroġ mill-kultura, it-tradizzjonijiet, l-istorja u diversi karatteristiċi oħra, il-pajjiżi flimkien jaħdmu għal għanijiet, drittijiet u opportunitajiet komuni f’oqsma varji.

L-istorja tal-bidu ġiet żviluppata bil-ħsieb li t-tfal jagħrfu kif fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi differenti jistgħu jaħdmu flimkien minkejja d-differenzi ta’ bejniethom biex fl-aħħar mill-aħħar igawdu huma llkoll, kbar u żgħar. Għaldaqstant, l-istorja tal-ktieb għandha twassal lit-tfal biex jagħrfu li huma ċittadini ta’ din l-Unjoni unika ta’ pajjiżi li nħolqot fl-1957 minn 6 pajjiżi li għarfu li l-futur tal-Ewropa ma jistax ikun pożittiv jekk ma jinbeniex fuq l-għaqda, il-koperazzjoni u l-paċi. L-istorja minn dakinhar sal-lum uriet li dan il-proġett Ewropew irnexxa, tant li minn 6 pajjiżi, l-Unjoni Ewropea llum tikkonsisti f’27 Stat Membru.

It-tielet parti tal-ktieb fiha għadd ta’ eżerċizzji prattiċi biex il-qarrejja jipprattikaw dak li jkunu tgħallmu mill-bqija tal-ktieb.

Dan il-ktieb huwa ħolqa oħra fix-xogħol li twettaq il-MEUSAC sabiex tipprovdi informazzjoni relatata mal-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini Maltin ta’ kull età, mhux l-inqas lit-tfal u l-istudenti.

Ta’ min isemmi li dawk li llum għandhom 11 u 12-il sena, twieldu bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea u minkejja li m’għandhomx għarfien taż-żmien qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, jista’ jiġri li għalihom Malta bħala Stat Membru hija stat ta’ fatt. Għaldaqstant, jibqa’ dejjem il-bżonn ta’ għarfien dejjem akbar tal-mod kif taħdem l-Unjoni Ewropea, x’sehem għandha mal-Istati Membri l-oħra, xi drittijiet u obbligi għandhom bħala ċittadini tagħha u mhux l-inqas, x’opportunitajiet jista’ jkollhom fi ħdanha.

Dan il-ktejjeb għandu jwassal, sabiex minn età żgħira, l-istudenti jkunu kapaċi jagħrfu kif taħdem l-Unjoni Ewropea, u kif permezz tal-ħidma tagħha, flimkien mal-Gvern, qiegħed dejjem iktar jissaħħaħ il-livell ta’ għajxien tal-poplu Malti.

Flimkien mal-ktieb, qiegħed jiġi ppubblikat ukoll sett ta’ noti gwida għall-għalliema u edukaturi, sabiex dan il-ktieb iservi ta’ għodda utli fil-lezzjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-MEUSAC għandha l-pjan li tqassam dan il-ktieb fl-iskejjel sekondarji kollha ta’ Malta u Għawdex u fil-Libreriji pubbliċi kollha.

B’mod immedjat, wieħed jista’ isib dan il-ktejjeb f’forma diġitali fuq is-sit elettroniku tal-MEUSAC, fis-sezzjoni https://meusac.gov.mt/media/#publications.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja liċ-ċentru Europe Direct Valletta bl-email edicvalletta.meusac@gov.mt jew bit-telefon 2200 3316, jew lill-MEUSAC bl-email info.meusac@gov.mt, jew bit-telefon 2200 3300.

« Back