Kompetizzjoni ‘Mas-Siġra tal-Ballut’

Il-MEUSAC u Europe Direct Valletta għadhom kemm ippubblikaw ktieb dwar l-Unjoni Ewropea għat-tfal ta’ 11 u 12-il sena bl-isem ‘Mas-Siġra tal-Ballut’.

Għaldaqstant, qed nistiednu lit-tfal ta’ kull età, sabiex jieħdu sehem f’kompetizzjoni biċ-ċans li jirbħu wieħed minn sitt Sphero Mini, li huwa robot żgħir li bih tista’ tagħmel ħafna affarijiet interessanti.

Sabiex tipparteċipa, aqra l-ktieb minn hawn, aħdem l-eżerċizzju bit-tema, ‘Mas-Siġra tal-Ballut’ minn hawn, agħmel like lill-paġna ta Facebook tal-MEUSAC, kif ukoll agħmel follow lill-paġna ta’ Instagram tal-MEUSAC.

Ibgħat ritratt tat-tpinġija b’messaġġ privat minn fuq FB messenger lill-paġna ta’ Facebook tal-MEUSAC.

Sottomissjonijiet għal din il-kompetizzjoni jiġu aċċettati sat-Tlieta 8 ta’ Diċembru, 2020.

Ir-rebbieħa jiġu avżati b’messaġġ privat, nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru.

Ir-rebbieħa jintgħażlu bix-xorti minn fost dawk li jissottomettu t-tpinġija skont l-istruzzjonijiet indikati fl-eżerċizzju provdut.

Għal aktar informazzjoni ċemplu 2200 3300.

Sfond dwar il-Ktieb
Il-ktieb hu mqassam fi tliet partijiet u jibda bi storja ta’ Trevor Żahra dwar il-ħajja ta’ kuljum ta’ grupp ta’ annimali li ddur ma’ siġra tal-ballut. L-ors, il-brimba, is-serp, il-qanfud u l-ġojjin jikkonvinċu lill-fenek li aħjar ikunu magħqudin milli kulħadd għal rasu!

It-tieni parti tal-ktieb toħroġ l-elementi ewlenin tal-istorja biex tispjega kif dak li jgħaqqad is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huwa mfisser fil-motto tagħha, ‘Magħqudin fid-Diversità’ u kif hi bbażata fuq valuri bażiċi li huma r-Rispett, id-Demokrazija, l-Ordni, is-Solidarjetà, il-Libertà u l-Ugwaljanza.

It-tielet parti tikkonsisti fi 12-il eżerċizzju prattiku li minnhom, il-qarrejja jkunu jistgħu japplikaw dak li jkunu tgħallmu fil-bqija tal-ktieb.

Din il-Kompetizzjoni bl-ebda mod ma hija sponsorjata, approvata jew amministrata minn, jew assoċjata ma’, Facebook.

« Back