Nagħmlu l-Unjoni Ewropea iktar aċċessibli għalik – Ġimgħa ta’ attivitajiet mill-MEUSAC

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 26.10.2020

Matul l-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, il-MEUSAC ser tkun qed ittella’ numru ta’ attivitajiet biex tippromwovi s-servizzi tagħha marbuta mal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, mill-2008 ’l hawn, il-MEUSAC offriet firxa wiesgħa ta’ servizzi, offruti b’xejn bil-għan li tqarreb lin-nies lejn l-Unjoni Ewropea.

Is-servizzi prinċipali li toffri l-MEUSAC huma erbgħa: il-promozzjoni ta’ djalogu dwar valuri u ideali Ewropej; il-komunikazzjoni ta’ drittijiet u dmirijiet li ċ-ċittadini għandhom permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fosthom opportunitajiet ta’ finanzjament minn fondi Ewropej; involviment fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar politiki tal-Unjoni Ewropea, u; assistenza fil-mili ta’ applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Matul din il-ġimgħa ta’ attivitajiet, dawn il-funzjonijiet ser jingħataw promozzjoni adegwata permezz ta’ attivitajiet ta’ kuljum li għalihom kull min hu interessat jista’ jieħu sehem b’mod virtwali, jew isegwi mill-paġna ta’ Facebook tal-MEUSAC, ħlief għal żewġ attivitajiet li huma indirizzati lil gruppi speċifiċi.

It-Tnejn, 2 ta’ Novembru, niftħu l-Ġimgħa b’sessjoni ta’ informazzjoni bit-titlu, ‘Servizzi tal-Unjoni Ewropea għalik’. Matul din l-attività onlajn, il-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon ser tkun qed tiltaqa’ mal-kapijiet tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew f’Malta sabiex flimkien jitkellmu dwar is-servizzi li t-tliet entitajiet joffru liċ-ċittadini. Magħhom jingħaqdu diversi uffiċjali minn entitajiet li joffru servizzi relatati mal-Unjoni Ewropea, bħal dawk għall-konsumaturi, negozju, impjiegi, saħħa, edukazzjoni, fondi Ewropej  u oħrajn.

It-Tlieta, se nniedu ktieb dwar l-Unjoni Ewropea għat-tfal ta’ 11-il sena. Dan il-ktieb, bi storja tal-awtur Trevor Żahra, jitkellem dwar x’inhuma l-prinċipji ewlenin u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Il-messaġġ ewlieni tal-ktieb, li fih anke informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u numru ta’ eżerċizzji għat-tfal, hu bbażżat fuq il-motto tal-Unjoni Ewropea, ‘Magħqudin fid-Diversità’. Kull min hu interessat ser ikun jista’ jsegwi permezz tal-paġna Facebook tal-MEUSAC.

L-Erbgħa se jkollna żewġ sessjonijiet. L-ewwel waħda hi sessjoni ta’ informazzjoni dwar il-promozzjoni tar-riżultati ta’ proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Din is-sessjoni ser tkun miftuħa għal għaqdiet mhux governattivi, skejjel u entitajiet pubbliċi. Wara nofsinhar, se ssir diskussjoni dwar tema kurrenti ħafna fl-Unjoni Ewropea – il-Patt Ekoloġiku Ewropew (European Green Deal). L-idea wara din id-diskussjoni hi li ċ-ċttadini jingħataw kemm jista’ jkun l-opportunità li jiddiskutu, b’mod miftuħ, dwar il-preżent u l-futur tal-Unjoni Ewropea, anke fil-kuntest tal-imxija tal-pandemija COVID-19.

Fil-5 ta’ Novembru, numru ta’ studenti ser ikunu qed jipparteċipaw f’diskussjoni bit-tema, ‘L-Ugwaljanza f’Soċjetà Demokratika’. F’dan id-dibattitu, erba’ gruppi ta’ studenti ser ikunu qegħdin jiddiskutu r-rappreżentanza politika tan-nisa fl-Istati Membri, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Għal din il-laqgħa ser ikunu qed jipparteċipaw ukoll numru ta’ Membri Maltin tal-Parlament Ewropew, li wara li jisimgħu d-dibattitu, jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar is-suġġett.

Fl-għeluq tal-ġimgħa, nhar is-6 ta’ Novembru, il-President ta’ Malta, l-E.T. Dr George Vella ser ikun qed jipparteċipa f’diskussjoni bit-titlu, ‘Malta fl-Unjoni Ewropea’. Id-diskussjoni se titmexxa mill-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, li se tkun qed titkellem mal-President dwar temi li bosta drabi jaffetwaw lill-Malta, lill-Unjoni Ewropea u anke pajjiżi ġirien. Din id-diskussjoni ser tkun qed tintwera fuq il-paġna Facebook tal-MEUSAC u min hu nteressat jista’ jipparteċipa onlajn.

Kif wieħed jista’ jinnota, il-programm tal-MEUSAC għall-ewwel ġimgħa ta’ Novembru huwa wieħed mimli daqs bajda b’attivitajiet li jolqtu lil kulħadd. Filwaqt li l-imxija tal-COVID-19 bidlet xi ftit l-mod li bih ġie mfassal il-programm, it-teknoloġija xorta waħda ttina l-opportunità li nibgħu viċin taċ-ċittadini u nressqu lin-nies iktar viċin tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar dettalji tista’ żżur il-websajt tal-MEUSAC jew iċċemplilna 2200 3300.

« Back