‘L-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għalik’ – Ġimgħa ta’ Attivitajiet mill-MEUSAC

Artiklu ppubblikat fuq Voice of the Workers Weekly – 29.10.2020

Bejn it-2 u s-6 ta’ Novembru, il-MEUSAC se ttella’ numru ta’ attivitajiet onlajn biex tippromwovi s-servizzi tagħha li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini Maltin u Ewropej. L-għan tagħna hu li ninfurmaw u nżidu l-għarfien dwar kif iċ-ċittadini Maltin jistgħu jibbenefikaw aktar mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, nagħtuhom l-opportunità jsemmgħu leħinhom dwar temi kurrenti fl-Unjoni Ewropea, ikunu jafu fejn jistgħu jirrikorru jekk ikunu jridu aktar informazzjoni dwar drittijiet u obbligi, benefiċċji u opportunitajiet jew ilmenti, u kif ukoll l-assistenza li nipprovdu lil għaqdiet mhux governattivi (NGOs), kunsilli lokali u entitajiet governattivi dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea.

L-attivitajiet huma mmirati għal firxa wiesgħa ta’ etajiet b’interessi differenti u jikkonsistu fl-attivitajiet li ġejjin: sessjoni ta’ informazzjoni dwar is-servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea f’Malta; tnedija ta’ ktieb-storja dwar l-Unjoni Ewropea għat-tfal ta’ 11-il sena; sessjoni ta’ taħriġ dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea; diskussjoni pubblika dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew; diskussjoni mal-istudenti post-sekondarji dwar l-ugwaljanza; diskussjoni mal-President ta’ Malta.

Il-parteċipazzjoni f’kull attività se tkun onlajn, ħlief għal dawk is-sessjonijiet li huma indirizzati lil gruppi speċifiċi. Fil-bqija tas-sessjonijiet, il-parteċipanti jkunu jistgħu mhux biss isegwu l-attività li tkun qed issir fil-MEUSAC imma wkoll jintervjenu bil-kummenti tagħhom.

Ara l-programm tal-Ġimgħa u rreġistra għall-attivtajiet li jinteressawk mill-websajt tal-MEUSAC.

« Back