Il-MEUSAC onorata bil-Premju ta’ Kwalità għas-Servizz Pubbliku

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer tal-Komunikazzjoni, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 12.10.2020

Fl-24 ta’ Settembru, f’ċerimonja fil-Palazz tal-Verdala, il-President ta’ Malta, l-E.T. Dr George Vella onora lill-MEUSAC bi premju għas-servizz ta’ kwalità li toffri. Il-Premju ngħata lill-Kap tal-MEUSAC Mandy Falzon, f’isem l-impjegati kollha tal-MEUSAC u fil-preżenza tal-Kap tas-Servizz Pubbliku, Mario Cutajar.

Il-Premju ta’ Kwalità jingħata lil dipartimenti u entitajiet fl-Amministrazzjoni Pubblika, li jeċċellaw fis-servizzi li jagħtu billi jilħqu standards stabbiliti f’Charter ta’ Kwalità tas-Servizz Pubbliku. Dawn l-istandards huma msejsa fuq erba’ pilastri: li fis-servizz li nagħtu, nifhmu lill-klijenti; nimplimentaw is-servizzi kif mistennija mill-kijenti; nagħtu servizz ta’ kwalità, u; billi l-klijenti jsiru parti mill-kwalità għolja tas-servizz li jkunu qegħdin jingħataw. B’hekk, il-MEUSAC tista’ titqies bħala aġenzija tal-Gvern li tista’ toqgħod fuqha, li tagħtik servizz b’effiċjenza u b’kortesija, li tikkomunika miegħek f’kull ħin, li tintlaħaq faċilment u li tista’ tafda s-servizzi tagħha.

Dan kollu lħaqnieh għaliex fl-aħħar snin dejjem fittxejna li nagħtu servizz personalizzat lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna u s-servizzi tagħna.

Il-missjoni tal-MEUSAC hi li nwasslu servizz effiċjenti u b’valur miżjud liċ-ċittadini, kemm jekk japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, jipprovdu l-opinjoni tagħhom dwar proposti leġiżlattivi u ta’ politika tal-Unjoni u wkoll biex ikunu aġġornati b’dak li jkun għaddej fl-Unjoni jew ifittxu informazzjoni dwar xi materja relatata mal-Unjoni Ewropea.

Il-ħidma tal-MEUSAC hi mwaqqfa fuq dawn it-tliet pilastri, li tajjeb nispjegawhom wieħed wieħed. Il-MEUSAC tgħin lill-organizzazzjonijiet biex japplikaw għal proġetti permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea. L-aġenzija MEUSAC tipprovdi l-iktar informazzjoni riċenti dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament, kemm dawk eżistenti u kemm dawk li jmiss tal-Unjoni Ewropea (2021-2027). Matul is-snin, il-MEUSAC għenet għexieren ta’ organizzazzjonijiet jissottomettu applikazzjonijiet kompetittivi biex jimplimentaw proġetti tax-xewqa tagħhom u li jkunu jaqgħu taħt il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea. Il-ħidma tal-MEUSAC tibda b’laqgħa mal-klijenti biex naraw l-ideat tagħhom u nsibulhom l-aħjar sors ta’ fondi Ewropej. Imbagħad, nassistuhom pass pass sakemm jissottemettu l-applikazzjoni tagħhom.

Ħidma oħra tagħna hi ninvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan nagħmluh l-ewwel nett billi ninfurmaw liċ-ċittadini u organizzazzjoninjiet tas-soċjetà ċivili dwar l-aħħar żviluppi fl-Unjoni Ewropea fejn jidħlu politiki, liġijiet, inizjattivi, drittijiet u obbligi. Matul is-sena niltaqgħu ma’ diversi organizzazzjonijiet f’setturi differenti, biex nieħdu l-fehmiet tagħhom dwar proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal politiki u liġijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea, jew reviżjoni ta’ dawk eżistenti. Dawn il-laqgħat huma parti mid-djalogu soċjali, li permezz tagħhom jissawru politiki u liġijiet tal-Unjoni Ewropea li jaffettwawna direttament jew indirettament.

Il-MEUSAC tipprovdi wkoll informazzjoni ġenerali dwar l-Unjoni Ewropea billi tippromwovi ċ-ċittadinanza attiva u toħloq diversi inizjattivi u attivitajiet biex iċ-ċittadini jkunu jafu aktar dwar l-Unjoni Ewropea li huma parti minnha.

Bħala parti minn din il-funzjoni, il-MEUSAC tospita wkoll ċentru ta’ informazzjoni msejjaħ Europe Direct Valletta. Dan huwa wieħed minn madwar 400 ċentru ta’ informazzjoni li jinsabu madwar l-Unjoni Ewropea, u li jservu bħala pjattaforma addizzjonali għas-servizzi ta’ informazzjoni tal-MEUSAC.

Il-Premju ta’ Servizz ta’ Kwalità mhuwiex il-punt tal-wasla, imma kif qalilna l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, dan ir-rikonoxximent huwa inċentiv biex naħdmu aktar ħalli nagħmlu l-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini fil-Gżejjer Maltin.

Tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC jew mill-paġna ta’ Facebook – facebook.com/meusacmalta, il-websajt – www.meusac.gov.mt, bl-email – info.meusac.gov.mt, jew ċemplilna – 22003300.

« Back