L-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għalik

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer tal-Komunikazzjoni, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 14.09.2020

Matul is-sena, diversi persuni u organizzazzjonijiet ifittxu l-għajnuna tal-MEUSAC biex jiksbu xi tip ta’ informazzjoni marbuta mal-Unjoni Ewropea. Dawn it-talbiet jiġu minn persuni u organizzazzjonijiet li jistaqsu dwar drittijiet u obbligi li għandhom bħala ċittadini Ewropej, dwar xi liġi jew politika tal-Unjoni li tkun tapplika għal pajjiżna, jew kif japplikaw drittijiet, obbligi jew opportunitajiet meta wieħed ikun se jsiefer għal btala, biex jistudja jew jaħdem f’xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Diversi organizzazzjonijiet jitolbu wkoll tagħrif dwar kif jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej. Ikollna wkoll studenti u skejjel li jitolbu tagħrif adattat għalihom permezz ta’ pubblikazzjonijiet li jkollna dwar kif taħdem l-Unjoni, dwar xi qasam partikolari tagħha, jew dwar Malta fl-Unjoni Ewropea.

Biex dejjem jissaħħaħ dan is-servizz ta’ informazzjoni lil min ikun jeħtieġu, il-MEUSAC tmexxi ċentru ta’ informazzjoni msejjaħ Europe Direct, li b’kofinanzjament mill-Kummissjoni Ewropea jagħti lill-MEUSAC l-għodda meħtieġa biex tkun tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tagħha.

Iċ-ċentru Europe Direct Valletta, immexxi mill-MEUSAC huwa wieħed minn madwar 450 ċentru ieħor tal-istess tip u li jinsabu madwar l-Unjoni Ewropea biex, kemm jista’ jkun, ikunu aċċessibbli għal kull min ikun jeħtieġhom. F’Malta nsibu ċewġ ċentri oħra, wieħed fl-Università u ieħor f’Għawdex. Fil-bqija tal-Ewropa, dawn iċ-ċentri jinsabu mhux biss fil-bliet kapitali, imma f’ħafna reġjuni tal-pajjiżi Ewropej u b’hekk jagħmluha aktar faċli li jintlaħqu.

Waqt li l-Unjoni Ewropea għandha diversi uffiċċji speċjalizzati f’kull pajjiż, li jagħtu assistenza f’oqsma differenti, bħal ngħidu aħna għall-konsumaturi, għan-negozji, għall-ħaddiema, jew studenti, il-vantaġġ taċ-Ċentru Europe Direct hu li min ikun jenħtieġ informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea ma jkollux għalfejn jara f’liema uffiċċju se jmur. Skont in-natura tal-informazzjoni li tkun tinħtieġ, aħna nidderiġuk jew inġibulek l-informazzjoni skont il-każ. Ħafna drabi jiġri li l-informazzjoni li wieħed ikun ifittex, ma tkunx kompitu tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant aħna nidderieġu lill-persuna jew l-organizzazzjoni lejn xi uffiċċju nazzjonali.

Permezz ta’ mezzi differenti, il-MEUSAC u Europe Direct Valletta jaġġornaw lil min ikun interessat dwar dak li jkun għaddej fl-Unjoni Ewropea, dwar Malta fl-Unjoni Ewropea u dwar l-aħħar żviluppi f’suġġetti partikolari. Dan nagħmluh kemm permezz tal-midja soċjali u f’artikli stampati fil-ġurnali, waqt li minn żmien għal żmien norganizzaw attivitajiet għall-pubbliku u għal kategoriji differenti. Is-sena l-oħra, pereżempju, organizzajna 35 laqgħa ta’ informazzjoni u konferenzi, 300 laqgħa personalizzata dwar fondi Ewropej, 39 attività għat-tfal u l-istudenti, ktibna 152 artiklu u ħadna sehem f’44 programm tar-radju jew it-televiżjoni. Dawn minbarra l-aġġornamenti ta’ kuljum fil-paġna ta’ Facebook tal-MEUSAC.

Kull min ikollu bżonn xi informazzjoni jew assistenza marbuta mal-Unjoni Ewropea jista’ jikkuntattja liċ-ċentru Europe Direct Valletta bl-email edicvalletta.meusac@gov.mt jew bit-telefon 2200 3316.  Il-MEUSAC tintlaħaq bl-email info.meusac@gov.mt, jew bit-telefon 2200 3300.

« Back