Fondi tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni tal-Wirt Rurali

Artiklu miktub minn Rebecca Zammit – Uffiċjal tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 28.09.2020

L-irħula Maltin huma miżgħuda b’varjetà interessanti ferm ta’ wirt fiżiku, jiġifieri dawk l-assi jew siti ta’ valur kulturali jew naturali, bħal ngħidu aħna knejjes, kappelli, palazzini, ġonna, u bosta eżempji oħra. Iżda l-wirt kulturali u storiku ma jagħmlux il-bini waħdu. Huma t-tradizzjonijiet, l-istejjer, l-esperjenzi u l-għarfien tan-nies li għexu u li għadhom jgħixu fihom, li flimkien isawru l-identità tal-ħajja rurali. Dan il-wirt rurali huwa ta’ preġju kbir għall-irħula tagħna. Minħabba f’hekk, aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar qed insiru konxji tal-importanza tiegħu, u tal-fatt li rridu nipproteġuh u nġedduh għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Fl-istess ħin, dan il-wirt joffri potenzjal kbir li jagħmel lil Malta aktar attraenti għat-turisti. Għaldaqstant, l-investiment fil-promozzjoni tal-wirt rurali jgħin biex l-irħula tagħna jiġbdu aktar turiżmu lejn il-lokalità tagħhom u jibbenefikaw ekonomikament.

L-Unjoni Ewropea tagħraf u tirrikonoxxi dan il-potenzjal billi tiddedika fondi għall-investiment f’tagħmir u mezzi ta’ komunikazzjoni għall-promozzjoni tal-wirt kulturali u storiku tal-irħula tagħna.

F’Awwissu li għadda fetħet sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet għall-fondi taħt il-programm LEADER għaż-żona tal-Majjistral. Din is-sejħa tindirizza l-bżonn li nippromwovu l-wirt kulturali u naturali ta’ pajjiżna. Din hija Miżura 3, li għaliha jistgħu japplikaw għaqdiet mhux governattivi, għaqdiet volontarji, kunsilli lokali, kif ukoll intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi. L-entitajiet eliġibbli għal dawn il-fondi jridu jkunu bbażati jew jixtiequ jagħmlu interventi f’waħda minn dawn il-lokalitajiet f’Malta: l-Imtarfa, Ħ’Attard, Ħad-Dingli, ir-Rabat, is-Siġġiewi, l-Iklin, Ħaż-Żebbuġ, l-Imdina, il-Mellieħa, in-Naxxar, il-Mosta, San Pawl il-Baħar, Ħal Għargħur, San Ġwann, is-Swieqi, u l-Imġarr.

Il-proġetti li jistgħu jiġu finanzjati minn dawn il-fondi huma investimenti assoċjati mal-iżvilupp ta’ marketing, branding, promozzjoni u tixrid ta’ informazzjoni – inklużi ħlas ta’ esperti u spejjeż għal servizzi ta’ nies professjonali kif ukoll l-ispejjeż ta’ servizzi oħra, bħall-iżvilupp ta’ websajt u materjal promozzjonali. Huma wkoll eliġibbli spejjeż marbuta mal-istallazzjoni ta’ infrastruttura fiżika għall-promozzjoni u l-informazzjoni, bħal tabelli u pannelli ta’ informazzjoni. Jistgħu jiġu koperti wkoll spejjeż għat-twaqqif ta’ heritage trails li jgħaqqdu flimkien attrazzjonijiet jew siti differenti.

Il-miżura tapplika b’mod partikolari għal proġetti li jużaw teknoloġija innovattiva u moderna, bħal ngħidu aħna l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet diġitali, l-istallazzjoni ta’ pannelli diġitali, u tours virtwali. B’hekk, dak li jkun jitgħallem fuq il-wirt kulturali u naturali b’mod aktar aċċessibbli u interattiv.

Il-miżura tiffinanzja 80% tal-ispejjeż eliġibbli. L-ammont massimu li jista’ jibbenefika minnu proġett jiddependi mill-ammont ta’ entitajiet involuti fl-istess proġett: €10,000 għal proġetti minn entità li tapplika waħedha, filwaqt li l-ammont jista’ jitla għal €18,000 għal inizjattivi li jinvolvu kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet jew aktar u li jwasslu għall-ħolqien ta’ heritage tours jew trails.

Għalkemm l-ewwel sett ta’ applikazzjonijiet għall-fondi taħt din il-Miżura ser ikunu qed jintlaqgħu mill-Fondazzjoni GAL Majjistral sat-30 ta’ Settembru 2020, l-applikazzjonijiet jibqgħu jiġu aċċettati fl-aħħar ta’ kull xahar, sa Diċembru 2020, diment li jkun għad fadal fondi mill-ammont allokat għal din il-miżura li huwa ta €97,000. Il-proġetti sottomessi jiġu evalwati fi gruppi, skont iż-żmien meta tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni.

Il-MEUSAC tista’ tagħti aktar informazzjoni dettaljata fuq din il-miżura lil kulħadd. Fil-każ ta’ għaqdiet mhux governattivi, għaqdiet volontarji u kunsilli lokali, il-MEUSAC tista’ tgħinhom jiżviluppaw l-idea tal-proġett tagħhom u tassistihom fil-kitba tal-applikazzjoni.

Għaldaqstant, għal aktar informazzjoni dwar din is-sejħa jew opportunitajiet oħra ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300 jew info.meusac@gov.mt.

« Back