Il-Fond Soċjali Ewropew għall-vulnerabbli u għad-djalogu soċjali

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 10.08.2020

Fil-bidu ta’ Lulju tħabbret sejħa għal proposti ta’ proġetti kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-proġetti għandhom jikkontribwixxu għal soċjetà aktar inklussiva u għat-tisħiħ tal-proċess tad-djalogu soċjali f’Malta permezz ta’ investiment fl-għaqdiet mhux governattivi, l-imiseħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-programm ewlieni ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li jiffinanzja proġetti għaż-żieda fl-impjiegi u l-għoti ta’ għajnuna sabiex in-nies isibu xogħlijiet aħjar. Dan jiżgura li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jkollhom opportunitajiet ta’ xogħol aktar ġusti permezz ta’ investimenti fit-tagħlim u t-taħriġ li jwasslu għall-kisba ta’ ħiliet meħtieġa fid-dinja tax-xogħol li dejjem tinbidel. B’hekk il-Fond Soċjali Ewropew jirrappreżenta investiment fir-riżorsi umani tal-Unjoni Ewropea. Il-Programm jappoġġja speċjalment l-inklużjoni ta’ dawk li huma emarġinati jew f’riskju ta’ esklużjoni mis-soċjetà.

Il-proġetti li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi jitqassmu taħt żewġ Assi ta’ Prijorità (AP) differenti, bit-titlu ‘Lejn Soċjetà Iktar Inklussiva’ (AP2) u ‘Il-Bini tal-Kapaċità Amministrattiva u Istituzzjonali’ (AP4). Entitajiet eliġibbli biex japplikaw għall-fondi taħt AP2 huma għaqdiet mhux governattivi u l-imsieħba soċjali filwaqt li għall-fondi ta’ AP4 jistgħu japplikaw l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif rappreżentati fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Dawn l-entitajiet huma wkoll imħeġġa jinvolvu entitajiet relevanti oħra fil-proġetti tagħhom.

‘Lejn Soċjetà Iktar Inklussiva’ (AP2) huwa immirat għal proġetti li jinvestu fit-taħriġ u ż-żieda tal-kapaċità ta’ nies vulnerabbli u l-professjonisti li jaħdmu magħhom. Nies vulnerabbli jistgħu jkunu nies li jinsabu f’firxa wiesgħa ta’ ċirkustanzi, inklużi dawk fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, dawk bi problemi ta’ saħħa, kif ukoll nies vulnerabbli għad-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol bħal nisa, immigranti u persuni b’diżabilità. L-għan aħħari tal-proġetti proposti taħt din is-sejħa għandu jkun l-inklużjoni soċjali, inkluż (iżda mhux limitat għal) titjib fil-prospetti ta’ impjieg ta’ nies vulnerabbli.

Proġetti jistgħu wkoll jimmiraw direttament li jgħinu tfal u persuni oħra li bħalissa jgħixu f’residenzi għall-kura tal-minuri, sabiex ikollhom iktar indipendenza u opportunitajiet għall-integrazzjoni fil-komunità.

Dawk il-proġetti li jinvolvu numru ta’ msieħba sabiex jindirizzaw bżonnijiet soċjali u l-isfidi tas-soċjetà huma ppreferuti għax jitqiesu bħala proġetti ta’ innovazzjoni soċjali.

‘Il-Bini tal-Kapaċità Amministrattiva u Istituzzjonali’ (AP4) jiffoka fuq it-tisħiħ tal-proċess tad-djalogu soċjali f’Malta permezz ta’ investiment fl-għaqdiet mhux governattivi, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Id-djalogu soċjali huwa l-proċess ta’ konsultazzjoni, negozjar u qsim ta’ informazzjoni bejn il-gvern u rappreżentanti ta’ ħaddiema u ta’ min iħaddem fir-rigward ta’ politiki ekonomiċi u soċjali. Permezz ta’ dan il-proċess, id-diskussjonijiet li jsiru qabel u waqt it-tfassil tal-liġijiet u l-politiki mfassla f’pajjiżna u fuq livell Ewropew jirriflettu l-bżonnijiet fis-suq tax-xogħol.

L-entitajiet eliġibbli għal dawn il-fondi huma dawk attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ, l-impjiegi u l-politika soċjali. Fil-każ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dawn iridu jkunu wkoll rappreżentati fil-Kunsill tal-MCESD.

Id-djalogu soċjali jirrappreżenta proċess importanti għall-benesseri taċ-ċittadini u għal politiki iktar ġusti. L-għan li għalih jingħataw dawn il-fondi hu li għaqdiet mhux governattivi, imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jipparteċipaw fil-proċess tad-djalogu soċjali, kemm dak nazzjonali u kif ukoll dak tal-Unjoni Ewropea.

Is-sejħa għaż-żewġ Assi ta’ Prijorità tkopri massimu ta’ €100,000 li jkopri mhux iktar minn 80% tal-ispejjeż eliġibbli. Il-proġetti jistgħu jinkludu attivitajiet ta’ taħriġ, riċerka u attivitajiet ta’ networking. Spejjeż eliġibbli jinkludu wkoll ix-xiri ta’ software, għamara u tagħmir meħtieġa għall-proġett, skont in-natura tal-attivitajiet proposti.

Għal aktar informazzjoni dwar din is-sejħa u biex issir taf kif il-MEUSAC tista’ tgħinek fil-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi, ċempel fuq 2200 3300 jew ibgħat email lil info.meusac@gov.mt.

« Back