Deċiżjonijiet effettivi fl-UE huma t-tama għal futur aħjar

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 31.08.2020

L-Unjoni Ewropea, tul l-aħħar xhur ħadet deċiżjonijiet bla preċedent fil-ġlieda kontra l-pandemija COVID-19. B’mod immedjat, ir-riżorsi tal-Unjoni ġew mobilizzati b’rata mgħaġġla, filwaqt li anke l-baġits għas-snin li ġejjin jidher li ser ikunu qed jaħdmu favur futur li jegħleb l-isfidi kbar li ġabet il-pandemija.

Dawn l-isforzi jidher li qed jinħassu miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, fi studju tal-Parlament Ewropew li sar fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, 56% taċ-ċittadini wrew li jridu li l-Unjoni Ewropea jkollha iktar saħħa finanzjarja sabiex tegħleb din il-pandemija. Dan is-sentiment jista’ jkun riżultat ta’ nuqqas ta’ fiduċja f’deċiżjonijiet, jew in-nuqqas tagħhom, li ttieħdu minn Stati Membri oħra. F’dan l-istħarriġ kienu bosta dawk li esprimew tħassib fuq il-mod kif numru ta’ Stati Membri rreaġixxew għall-pandemija. Ħafna stennew, pereżempju, li l-Istati Membri juru iktar solidarjetà ma’ xulxin. Huwa forsi għalhekk li ħafna ċittadini jistennew li l-Unjoni Ewropea tkun aktar b’saħħitha f’deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-Istati Membri fi ħdanha u li jkollha baġit iktar b’saħħtu fil-qasam tas-saħħa pubblika biex tegħleb kemm il-kriżi li ġabet magħha il-pandemija COVID-19 kif ukoll sitwazzjonijiet negattivi bla preċedent li jistgħu jseħħu fil-futur.

Mill-banda l-oħra, bosta ċittadini jixtiequ li jittieħdu deċiżjonijiet aktar b’saħħithom fejn tidħol l-ekonomija. L-effetti tal-pandemija wrew b’mod ċar li l-ekonomiji jkunu aktar reżiljenti u robusti biex ikunu kapaċi jegħlbu sitwazzjonijiet simili.

Matul l-aħħar xhur, il-Kummissjoni Ewropea ħadet deċiżjonijiet li wasslu għal azzjonijiet determinanti biex is-setturi tas-saħħa pubblika jissaħħu u l-impatt soċjoekonomiku jittaffa kemm jista’ jkun. Lil hinn mill-aspett finanzjarju, l-Unjoni Ewropea aċċertat li l-mezzi kollha għad-disposizzjoni tagħha jkunu mobilizzati b’tali mod li l-Istati Membri ma jitħallewx waħedhom fil-ġlieda kontra dan il-virus. Saret ħidma estensiva, pereżempju, biex tingħata informazzjoni fattwali dwar il-virus u kif dan jista’ jkun kontrollat. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea kienet ukoll ta’ sostenn għal pajjiżi terzi u ġew konklużi taħditiet ma’ kumpanija farmaċewtika sabiex l-Unjoni Ewropea tiżgura 300 miljun vaċċin kontra l-COVID-19, ladarba dan jintwera li huwa sikur għall-użu.

Minħabba dawn il-passi li ttieħdu, kienu bosta dawk li esprimew ħsibijiet ta’ tama għall-futur, indikazzjoni li x-xogħol li l-Unjoni Ewropea għamlet fil-ġlieda kontra l-pandemija qiegħed fil-fatt jiġi nnutat.

L-impenn tal-Unjoni Ewropea f’termini finanzjarji ġie indirizzat kemm fl-immedjat u kemm fit-tul ta’ żmien. F’Lulju li għadda, il-mexxejja tal-Istati Membri qablu dwar pakkett straordinarju ta’ rkupru ta’ €750 biljun (Next Generation EU) u baġit ta’ €1074.3 biljun għas-seba’ snin 2021-2027 (Qafas Finanzjarju Pluriennali). B’hekk, il-mexxejja tal-Istati Membri qablu fuq baġit li ser jappoġġja politiki moderni li ser jgħinu l-irkupru sostenibbli u iktar reżiljenti tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ dawn l-allokazzjonijiet meqjusa bħala storiċi u bla preċedent, Malta se jkollha €2.250 biljun li jagħtu garanzija ta’ iktar impjiegi u reżiljenza f’oqsma bħas-saħħa u rkupru ekonomiku b’saħħtu, b’mod speċjali b’investiment fl-ekonomija ekoloġika u diġitali.

Bħalissa għaddejjin in-negozjati mal-Parlament Ewropew biex jintlaħaq ftehim finali.

Id-diffikultajiet u l-isfidi li bħalissa kulħadd qiegħed iħoss huma sinifikanti. Id-direzzjoni u d-deċiżjonijiet li l-Unjoni Ewropea tidher li ħadet tul l-aħħar xhur qed iħallu l-frott u ċ-ċittadini b’mod ġenerali qed isaħħu t-tama tagħhom f’futur isbaħ u aħjar.

« Back