Fondi Ewropej għall-Ġemellaġġi: Il-MEUSAC tassisti fil-mili tal-applikazzjoni

Artiklu miktub minn Kurt Cortis – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 27.07.2020

L-Unjoni Ewropea tal-lum taf il-bidu tagħha lil sitt pajjiżi Ewropej li fl-1951 waqqfu bejniethom il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. L-għan ewlieni kien li wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinija, permezz ta’ rabtiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi membri, tinżamm il-paċi billi ħadd minnhom ma jkollu l-monopolju fuq il-materja prima li bihom kienu jsiru l-armamenti tal-gwerra.

Maż-żmien, l-Unjoni Ewropea kif nafuha llum  kibret bħala għaqda ta’ 27 Stat Membru bbażata mhux biss fuq rabtiet ekonomiċi u politiċi imma wkoll fuq valuri komuni li minnhom joħorġu diversi liġijiet u politiki biex tiġi salvagwardjata l-ħajja Ewropea.

Fil-fatt, il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fiċ-Ċarter tad-Drittijiet Fundamentali tagħha huma: id-dinjità tal-bniedem, is-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-libertà. Dan il-valuri huma bbażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt billi jqiegħdu l-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tal-Unjoni.

L-Unjoni Ewropea timxi fuq dawn il-valuri u tippromovihom b’diversi metodi, l-aktar billi tassigura li dawn il-valuri jkunu riflessi fil-leġiżlazzjonijiet tagħha.

Iżda madankollu, dawn il-valuri jridu jiġu riflessi wkoll miċ-ċittadini, sabiex tiġi salvagwardjata l-ħajja ta’ kull ċittadin Ewropew f’soċjetà inklussiva u nieqsa minn kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea kontinwament taħdem sabiex dawn il-valuri jiġu protetti permezz ta’ infurzar, ta’ ġustizzja u permezz ta’ diversi programmi ta’ fondi. F’dan ir-rigward, apparti programmi li jindirizzaw direttament kwistjonijiet partikulari bħal drittijiet u ugwaljanza, l-Unjoni Ewropea għandha programm ta’ fondi speċifiku – ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ (Europe for Citizens)  biex tippromwovi  l-paċi, il-valuri u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha.

Dan il-programm ta’ fondi jiffinanzja fost l-oħrajn l-organizzazzjoni ta’ ġemellaġġi bejn l-irħula Ewropej. Dawn il-ġemellaġġi jistgħu jiġu organizzati bejn minimu ta’ żewġ kunsilli lokali minn żewġ pajjiżi Ewropej u jservu sabiex ilaqqgħu numru ta’ ċittadini minn pajjiżi differenti biex jiddiskutu kwistjonijiet komuni, bħall-migrazzjoni, il-futur tal-Ewropa u l-importanza tad-djalogu interkulturali u l-ftehim reċiproku. Tipikament, dawn il-ġemellaġġi jiġu organizzati fuq medda ta’ tlieta jew erbat ijiem u jagħtu l-opportunità lil ċittadini Ewropej ta’ nazzjonalitajiet differenti biex jiltaqgħu flimkien u jipparteċipaw f’attivitajiet komuni. L-għan ta’ ġemellaġġ għandu jkun li jippromwovi l-parteċipazzjoni ċivika.

L-Aġenzija MEUSAC tgħin lill-kunsilli lokali biex japplikaw għal dawn il-fondi Ewropej. Fil-fatt, fil-passat il-MEUSAC għenet lill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat sabiex japplika għal proġett ta’ dan it-tip illi imbagħad kien ġie magħżul għall-implimentazzjoni.  Dan il-proġett kien jinvolvi ġemellaġġ mal-Kunsill Lokali ta’ Montefiascone, fejn 38 parteċipant mill-Italja qattgħu ħamest ijiem f’Għawdex. B’kollox, ’il fuq minn 600 persuna pparteċipaw f’sensiela ta’ attivitajiet li ġew organizzati. Il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jieħdu sehem f’diversi taħdidiet u workshops fuq numru ta’ temi differenti bħaċ-ċittadinanza, l-ewroxettiċiżmu, is-sovranità u l-kriżi tal-migrazzjoni, biex insemmu xi ftit, u kif dawn il-kwistjonijiet jaffettwaw lil kull parteċipant, avolja ġejjin minn pajjiżi differenti. Fl-aħħar mil-aħħar, xorta waħda kien hemm ħin fej ġew organizzati attivitajiet oħra fiżiċi u kif ukoll kulturali.

Proġett ieħor simili kien dak tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li organizza ġemellaġġ bejn ħames pajjiżi differenti. Dan il-ġemellaġġ ta l-opportunità lil 51 parteċipant minn Malta, l-Italja, il-Ġermanja, il-Polonja u l-Olanda biex jiddiskutu u jiddibattu l-futur tal-Ewropa u l-ewroxettiċiżmu. Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-ġemellaġġ serva biex il-parteċipanti ddiskutew flimkien kwistjonijiet komuni u fl-istess ħin jinħolqu soluzzjonijiet komuni. Barra minn hekk, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom filwaqt li jitgħallmu dwar l-importanza tat-tolleranza. Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala wkoll kien irċieva assistenza mill-MEUSAC sabiex isottometta l-proposta tiegħu għal-fondi.

Id-data li jmiss ta’ meta jagħlqu l-applikazzjonijiet għal dawn il-fondi hija l-1 ta’ Settembru 2020. Dawk il-kunsilli lokali li huma interessati li jiksbu aktar informazzjoni jew li jixtiequ japplikaw għal dawn il-fondi jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew jibagħtu email fuq info.meusac@gov.mt.

« Back