‘Flimkien biex l-Ewropa tirkupra’: Il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer għall-Komunikazzjoni, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 13.07.2020

Kull sitt xhur, Stat Membru differenti tal-Unjoni Ewropea jmexxi l-laqgħat u jikkoordina l-ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill jiġbor fih ministri f’oqsma differenti mill-Istati Membri biex jadottaw politiki u liġijiet għall-Unjoni Ewropea. Bħalma għamlet Malta fl-ewwel sitt xhur tal-2017, bejn Lulju u Diċembru ta’ din is-sena jmiss lill-Ġermanja li tippresiedi l-Kunsill fi żmien partikolari ħafna.

Mhux ta’ b’xejn li l-Presidenza tal-Ġermanja tlaqqmet bħala l-Presidenza tal-Coronavirus, għaliex dan huwa żmien kruċjali li fih l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffoka  biex l-Ewropa tirkupra b’mod ekonomiku u soċjali mill-effetti tal-pandemija. Dan l-irkupru m’għandux biss jindirizza l-effetti immedjati, imma jħares fit-tul u b’mod sostenibbli, biex dak li jiġi deċiż li jsir, isir bi qbil bejn l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, f’ħidma mal-Kummissjoni Ewropea.

Iż-żmien li qegħdin fih jitlob li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jsarrfu f’azzjonijiet konvinċenti dak li jgħaqqadhom flimkien u dak li jagħmilhom Unjoni Ewropea. Kien għalhekk li l-Presidenza Ġermaniża għażlet il-motto, ‘Flimkien biex l-Ewropa Tirkupra’. Din se tkun l-isfida tal-Ġermanja, li għalkemm hi l-ikbar Stat Membru f’termini ta’ popolazzjoni u ekonomija, m’għandhiex u ma tistax taħdem waħedha. Fi kliem il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, “Il-Ġermanja hija lesta li turi solidarjetà straordinarja”, biex tibni Ewropa li hija ekoloġika, innovattiva, sostenibbli, aktar diġitali u kompetittiva. “L-Ewropa hija kapaċi tikseb ħafna affarijiet jekk naħdmu flimkien u nuru s-solidarjetà”, hija kkonkludiet.

Il-prijoritajiet li fuqhom se tiffoka l-Ġermanja f’dawn is-sitt xhur ġew preżentati u diskussi f’Malta f’laqgħa onlajn li l-MEUSAC organizzajna flimkien mal-Ambaxxata tal-Ġermanja f’Malta fit-8 ta’ Lulju. L-Ambaxxatur Ġermaniż, Walter Walter Haßmann elenka l-pjanijiet ta’ pajjiżu għal irkupru sostenibbli għall-Ewropa fl-aspetti ekonomiċi u soċjali, tal-klima, id-diġitalizzazzjoni, is-saltna tad-dritt, ir-relazzjoni futura mar-Renju Unit u l-migrazzjoni. Dawn huma oqsma li preżentament jinħtieġu sforz kollettiv biex l-Ewropa mhux biss tirkupra, imma toħroġ aktar b’saħħitha mill-pandemija. Dawn il-prijoritajiet se jkunu qegħdin jiġu indirizzati fil-kuntest tal-perjodu finanzjarju ġdid tal-Unjoni Ewropea li għandu jidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla.

Fil-laqgħa, li tmexxiet mill-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, minbarra l-Ambaxxatur tal-Ġermanja, ħadu sehem ukoll il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, responsabbli mid-Djalogu Soċjali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. F’din il-laqgħa ħadu sehem ukoll numru kbir ta’ rappreżentanti minn kull settur tas-soċjetà li setgħu jgħidu tagħhom dwar dak li kien qiegħed jiġi diskuss.

Biex niġbor fil-qosor dak li ħareġ minn din il-laqgħa, il-ħsieb komuni tal-kelliema kien li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex biss tirreaġixxi fl-immedjat għal kull kriżi li tinqala’, imma trid tħares fit-tul u tieħu azzjonijiet konvinċenti b’mod sostenibbli u kollettiv. Hawn hu importanti li l-Istati Membri jagħrfu aktar li s-solidarjetà ma tistax tibqa’ kelma sabiħa fuq il-karta, jew skont kif wieħed jaqbillu, imma trid isseħħ fil-prattika f’kollox, biex l-Unjoni Ewropea tkun kredibbli. F’dan il-kuntest, ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni bl-Ambaxxatur Ġermaniż jgħid li din se tkun prijorità li l-Ġermanja se timbotta biex tintwera aktar solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Fuq kollox, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tkun Unjoni tal-istituzzjonijiet imma taċ-ċittadini, biex kull ħaġa li ssir issir f’din il-perspettiva. Wara kollox huma ċ-ċittadini li jagħmlu l-Unjoni Ewropea u mhux l-istituzzjonijiet.

« Back