Natura b’saħħitha, soċjetà f’saħħitha

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Maniġer għall-Komunikazzjoni, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 15.06.2020

Il-fatt li biex jgħix, il-bniedem jiddependi min-natura, ma jista’ jmerih ħadd. In-natura tagħtina l-ikel li nieklu, l-ilma li nixorbu u l-arja biex nieħdu n-nifs. Għaldaqstant, ma nistgħux ngħixu bħallikieku aħna ’l fuq min-natura jew barra minnha. L-istorja turina li kull meta l-bniedem uża n-natura għall-iskopijiet tiegħu biss, kien hu li mar minn taħt. U sakemm il-bniedem jifhem li hu stess parti mid-diversità taċ-ċikli tan-natura – imsejħa bijodiversità – jibqa’ jbati l-konsegwenzi tal-azzjonijiet kollha li bihom jisfrutta n-natura bla rażan u b’mod insostenibbli. It-telf tal-bijodiversità jwassal għal nuqqas ta’ wċuħ tar-raba’ u ta’ qbid ta’ ħut, għargħar u diżastri naturali oħra, fost l-oħrajn. Hu stmat li jekk jibqgħu jitkissru l-ekosistemi u tintilef il-bijodiversità bl-istess rata fl-għaxar snin li ġejjin, se jkollna niffaċċjaw konsegwenzi kbar. Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u s-sistemi tan-natura li jibqgħu jaħdmu sew huwa s-soluzzjoni biex nipprevjenu l-mard – fiżiku u mentali – u biex nilqgħu għal diżastri naturali bħall-għargħar, nirien kbar, il-qerda ta’ speċi ta’ annimali u pjanti.

Waħda mill-affarijiet li wrietna l-pandemija hija r-relazzjoni bejn is-saħħa tagħna u s-saħħa tas-sistemi tan-natura li minnhom niddependu għal saħħitna. Il-kwalità ta’ ħajjitna tiddependi minn kemm il-provisti u l-konsum ikunu sostenibbli u ma jaqbżux il-limiti tal-użu eċċessiv tagħhom li jitlef il-bilanċ tant meħtieġ biex in-natura tibqa’ tagħtina dak li għandna bżonn.

L-irkupru mill-pandemija m’għandux ikun biss f’termini ekonomiċi, imma jrid jinkludi wkoll l-investiment fil-protezzjoni u l-bini mill-ġdid tan-natura li ntilfet matul is-snin.

L-Unjoni Ewropea qiegħda taħdem propju f’din id-direzzjoni, biex treġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità u tkun ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja. Biex l-Ewropa ma tkunx l-istess wara l-pandemija u biex tkun iktar preparata għal sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet strateġija dwar il-bijodiversità b’miri li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri sas-sena 2030. Din l-istrateġija hija parti integrali minn pjan imressaq fil-bidu tas-sena msejjaħ il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

L-Istrateġija dwar il-bijodiversità tikkonsisti f’azzjonijiet b’miri konkreti b’azzjonijiet li jippreservaw u jipproteġu l-ambjent li għadu tajjeb, jirrestawraw l-ambjent li saritlu l-ħsara, u jirriġeneraw l-ekosistemi b’mod sostenibbli fil-futur. Dan ifisser li l-Unjoni Ewropea qed tħares lejn miżuri li jġibu bidla fil-mod kif nittrattaw in-natura permezz ta’ investimenti u fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Uħud mill-miri li jwasslu b’mod konkret għat-twettiq tal-istrateġija dwar il-bijodiversità sas-sena 2030 huma dawn: 30% tal-art u l-baħar fl-Ewropa tkun protetta b’regoli għolja ta’ konservazzjoni u biż-żieda ta’ siti naturali protetti ma’ dawk li diġà jeżistu; jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi kimiċi b’50% u jitnaqqsu l-fertilizzanti li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent b’20%; 25% tal-art agrikola tkun maħduma b’sistemi organiċi; jitħawlu mat-3 biljun siġra madwar l-Unjoni Ewropea; jiġu restawrati 25,000 kilometru ta’ xmajjar mill-kontaminazzjoni; jitfasslu pjanijiet ekoloġiċi fl-ibliet. Dawn il-miri tal-Unjoni Ewropea jkomplu jibnu fuq pjanijiet eżistenti, fosthom dak tat-tnaqqis drastiku tal-użu tal-plastik u t-tisħiħ tal-ekonomija ċirkulari, jiġifieri li l-iskart jiġi riċiklat u jerġa’ jintuża sal-massimu tiegħu.

Il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea hu li biex l-Istati Membri jkunu megħjuna jwettqu dawn il-miżuri jingħataw mal-€20 biljun kull sena. Barra mill-effetti pożittivi li jkollhom fuq ambjent iktar b’saħħtu li jissarraf f’ħajja iktar f’saħħitha, mistennija wkoll jinħolqu eluf ta’ impjiegi f’setturi ġodda b’sistemi favur l-ambjent, li iktar ma jmur iktar qegħdin isiru importanti u mfittxija.

Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità huma l-uniċi modi kif tiġi ppreservata l-kwalità tal-ħajja tal-bnedmin fil-futur, f’ambjent b’saħħtu li jagħti s-saħħa lil kull min jgħix fid-dinja. Biex dan jirnexxi, jinħtieġu sforzi mis-setturi kolha tas-soċjetà, ibda mill-gvernijiet, tkompli mill-industrija u tispiċċa f’kull wieħed u waħda.

« Back