Mill-Għalqa sal-Platt: Sistemi tal-ikel iktar sostenibbli fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 29.06.2020

Il-pandemija tal-COVID-19 tista’ tgħid li kixfet bosta nuqqasijiet fil-mod kif ngħixu. Fl-ispazju ta’ ftit xhur, il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna xi ftit jew wisq inbidlet. Il-provvista ta’ servizzi u prodotti ntlaqtet mhux ftit u kif forsi wieħed jiftakar, ħafna kienu beżgħana li s-sistemi tal-ikel setgħu jikkrollaw. B’xorti tajba dan ma seħħx, għalkemm ftit huwa dawk li ma jaqblux li l-imxija tal-COVID-19 fakkritna li għandna jkollna sistemi robusti u li jaħdmu tajjeb f’ċirkustanzi bla preċedent. Il-ħsieb li l-provvisti tal-ikel jonqsu, jew li jogħlew fil-prezz, bir-riskju li mhux kulħadd jiflaħ iħallas għal dak li hu bażiku, huwa inkwetanti.

Il-pandemija hi biss eżempju wieħed minn numru ta’ ċirkustanzi li jistgħu jaffettwaw il-provvisti tal-ikel għaċ-ċittadini. Iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed tiżdied ir-rikorrenza ta’ nixfiet, għargħar u nirien f’żoni tal-foresti. Dawn l-eżempji kollha għandhom ifakkruna kemm huwa importanti li s-sistemi tal-ikel tagħna ngħożżuhom u nieħdu ħsiebhom.

Għaldaqstant il-Kummissjoni Ewropea, fl-isfond tal-imxija tal-pandemija tal-COVID-19 nediet l-Istrateġija. ‘Mill-Għalqa sal-Platt’, bil-għan li tindirizza kemm jista’ jkun l-isfidi marbuta mal-produzzjoni, l-ippakkjar, il-ħażna u t-twassil tal-ikel li kulma jmur qed jikbru.

Issa li huwa rikonoxxut li hemm rabta bejn persuni b’saħħithom, soċjetajiet b’saħħithom u pjaneta b’saħħitha, strateġija bħal din tista’ ġġib magħha diversi benefiċċji, mhux l-inqas ambjentali. Jekk wieħed fil-fatt jgħarbel ftit l-Istrateġija jinnota li l-għan prinċipali tagħha huwa li jiġi żgurat li s-sistemi tal-ikel isiru iktar sostenibbli f’kull qasam permezz ta’ tranżizzjoni ġusta (perjodu miftiehem li matulu jittieħdu deċiżjonijiet li jilħqu l-għan tal-Istrateġija),  li anke ġġib magħha benefiċċji ta’ saħħa u fuq livelli soċjali.  L-istrateġija tagħraf ukoll l-importanza tal-produtturi primarji tal-ikel, bħall-bdiewa, raħħala u sajjieda, li għal diversi snin forsi ma ngħatawx dak li ħaqqhom fi ħlas għax-xogħol tant siewi li jagħmlu.

Hu fatt ippruvat li dieti ħżiena sa minn età żgħira jġibu piż żejjed u mard kroniku bħad-dijabete, mard tal-qalb u kanċer. Dawn iħallu effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-persuni u fuq l-ispiża fil-qasam tas-saħħa tal-pajjiż. Għaldaqstant, il-pjanijiet tal-Unjoni Ewropea jiffukaw fuq sistemi tal-ikel li l-Unjoni Ewropea tipproduċi u li apparti li jkunu sostenibbli, jassiguraw  is-sigurtà ta’ dak li aħna nieklu u li jiffaċilitaw għażliet ta’ dieta tajbin għal saħħitna. Fil-fatt l-istrateġija tistipula miżuri ambizzjużi li iktar ma jiġu applikati malajr, iktar ikollna ikel li huwa tajjeb għas-saħħa taċ-ċittadini. Dawn il-miżuri jinkludu tikketti aħjar u iktar ċari, u informazzjoni iktar disponibbli għall-konsumaturi. Barra minn hekk, qed jiġu proposti miri konkreti sabiex il-proċess isir iktar sostenibbli, fosthom it-tnaqqis kemm tal-użu tal-pestiċidi b’50% kif ukoll tnaqqis b’20% tal-użu tal-fertilizzanti. Barra minn hekk, l-intenzjoni hija li ladarba din l-istrateġija tilħaq l-għan tagħha, 25% tal-art agrikola fl-Unjoni Ewropea tinħadem b’biedja organika.

L-operaturi fis-sistemi tal-ikel għandhom rwol importanti f’din l-istrateġija. Ser tkun qed tingħata l-għajnuna finanzjarja sabiex ikunu implimentati prattiki ġodda li jtejbu s-sostenibbiltà ta’ dak li nipproduċu bil-għan ukoll li dawn il-prattiki jkabbru l-opportunitajiet kemm għall-operaturi li preżentament qed joperaw fis-sistemi tal-ikel u oħrajn ġodda.

L-Unjoni Ewropea ilha snin tenfasizza l-importanza ta’ ikel li huwa sikur u ta’ kwalità għolja.  M’għadux biżejjed li l-kwalità tal-ikel li l-Ewropa tipproduċi tkun fost l-aqwa fid-dinja. Issa l-Unjoni Ewropea qed taħdem sabiex dak li nipproduċu jkun sostenibbli. L-Istrateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ huwa l-pass li jmiss.

« Back