L-Unjoni Ewropea – Flimkien għal futur iktar sostenibbli u kompetittiv

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 01.06.2020

Tul l-aħħar xhur, l-imxija tal-COVID-19 bidlet tista’ tgħid il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull ċittadin, mhux biss f’pajjiżna, iżda fil-kontinent Ewropew kollu. Fi żmien qasir, is-sens ta’ normalità nbidel, b’ħafna minnha jikkollaboraw mal-awtoritajiet u jagħżlu li jibqgħu fi djarhom u joħorġu biss għal dak li hu essenzjali. Min-naħa l-oħra, ħafna intrapriżi kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għall-klijenti bit-tama li l-imxija tiġi kkontrollata malajr kemm jista’ jkun. Filwaqt li pajjiżna kien fost l-aqwa eżempji globali fl-applikazzjoni ta’ proċeduri li żammew l-imxija tal-virus taħt kontroll, diġà bdew isiru l-pjanijiet għall-futur.

B’xorti tajba, m’aħniex waħedna. Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kapijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea taw mandat b’saħħtu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex titfassal viżjoni ċara għal futur sostenibbli, stabbli u kompetittiv għall-Istati Membri kollha, inkluż Malta.

Fl-20 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri kollha, inkluż Malta. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu ppreparati bil-għan li jservu ta’ linji gwida għall-Istati Membri kollha sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji b’risposta għall-isfidi l-iktar urġenti li l-pandemija ġabet magħha mhux biss fil-qasam tas-saħħa, iżda wkoll fuq livell ekonomiku.

Ir-rakkomandazzjonijiet huma mfassla b’tali mod u manjiera li jiżguraw li bosta oqsma ta’ importanza huma salvagwardjati. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet ħsieb li s-settur tas-saħħa pubblika jkun preparat u megħjun bl-aħjar mod għal sfidi bla preċedent, bħalma appuntu hi COVID-19. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet jagħtu valur kbir lill-preservazzjoni tal-impjiegi, speċjalment għall-ħaddiema l-aktar milquta mill-imxija minn COVID-19. Skont stimi fl-2018, 93.1% tal-intrapriżi f’pajjiżna jimpjegaw sa 9 impjegati u għaldaqstant, kemm il-ħaddiema kif ukoll l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju ser ikunu jistgħu jgawdu minn investiment b’saħħtu fin-nies u l-ħiliet tagħhom (taħriġ fejn neċessarju). Fi żmien hekk kruċjali, hu importanti li l-Unjoni Ewropea tkun preparata biex tkun iktar kompetittiva meta mqabbla mal-bqija tad-dinja.

Il-ħsieb tal-Kummissjoni Ewropea wara dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet ta’ rkupru mill-pandemija hu wieħed ċar. It-tkabbir ekonomiku għandu jkun kompetittiv u sostenibbli, li jaħdem għaċ-ċittadini u għall-pjaneta. Fil-fatt, għall-Kummissjoni Ewropea ftit li xejn jidher li jiswa li jkun hemm tkabbir ekonomiku mingħajr ma tkun preservata s-sostenibbiltà ambjentali. Iż-żewġ oqsma jridu jikbru flimkien b’mod stabbli u ekwu, għaliex kollox huwa marbut flimkien. Skont il-Kummissjoni Ewropea huwa propju bilanċ f’dawn f’oqsma bħalma huma s-saħħa, l-ambjent u l-ħajja soċjali, flimkien mal-ekonomija li jħollu u jorbtu kemm inkunu iktar kompetittivi fis-snin li ġejjin. L-ekonomija waħedha mhux biżejjed li tirreġistra progress u din il-pandemija għandha sservi ta’ pjattaforma għal futur iktar sostenibbli għall-Unjoni Ewropea.

Kif spjegajt qabel f’dan l-artiklu, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet li ssemmew huma speċifiċi għal kull Stat Membru, hemm diversi elementi komuni. Fil-każ ta’ Malta, pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li jittieħdu miżuri effettivi li jindirizzaw il-pandemija COVID-19 filwaqt li jsostnu l-ekonomija u l-irkupru ta’ wara. Rakkomandazzjoni oħra tirrigwarda negozji affettwati mill-pandemija u kif pajjiżna għandu jassigura li dawn ikunu appoġjati bl-aħjar mod. Il-ħaddiema f’Malta, skont ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikollhom l-opportunità li jiżviluppaw iktar il-ħiliet tagħhom. Dan il-pass jassigura li ħaddiema, f’ċirkustanzi bħalma hija COVID-19, ikollhom opportunitajiet adegwati ta’ xogħol. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet iżda, huma simili ħafna għal dawk li ngħataw Stati Membri oħra appuntu għax jinħass il-bżonn ta’ rispons iktar koordinat.

Ir-rispons irid ikun wieħed li jinvolvi lil kulħadd. B’xorti tajba, 27 pajjiż għal darb’oħra għandhom opportunità li jaħdmu flimkien b’solidarjetà, mhux biss biex jegħlbu l-imxija ta’ dan il-virus bla preċedent, iżda biex jaħdmu għal futur iktar sostenibbli u kompetittiv, flimkien.

« Back