Unjoni Ewropea solidali – Unjoni iktar b’saħħitha

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 04.05.2020

Nhar is-Sibt 9 ta’ Mejju huwa Jum l-Ewropa, li jiċċelebra l-għaqda u l-prosperità fil-kontinent Ewropew. Sebgħin sena ilu (1950), ħames snin wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ewropa kienet għadha qed titħabat biex toħroġ mit-tkissir li ħallew warajhom snin sħaħ ta’ qerda. Kienu bosta li f’dak iż-żmien għaddew minn żewġ gwerer f’ħajjithom u mhux ta’ b’xejn li ħafna kienu beżgħana mill-possibiltà li l-kontinent jerġa’ jgħaddi minn traġedja simili. Kienet propju din is-sitwazzjoni li wasslet lill-Ministru Franċiż Robert Schuman li fid-9 ta’ Mejju 1950 ippropona Unjoni bejn il-pajjiżi Ewropej. L-idea kienet sempliċi: Ewropa iktar solidali hija Ewropa iktar b’saħħitha.

Għalkemm għal raġunijiet differenti, dak li ġab il-pajjiżi Ewropej flimkien 70 sena ilu, qiegħed jerġa’ jkun okkażjoni biex l-Unjoni Ewropea turi fil-prattika li kapaċi twettaq is-solidarjetà li ġiet ibbażata fuqha.

L-aħħar 70 sena, filwaqt li ġabu magħhom sfidi mhux żgħar, kienu snin li matulhom l-Unjoni Ewropea kibret u ssaħħet. Tant hu hekk li llum il-ġurnata, l-Unjoni Ewropea hi meqjusa bħala punt ta’ referenza fuq livell globali. Huwa forsi għalhekk ukoll li mal-miġja tal-virus qerriedi COVID-19 kienu bosta dawk li dawru l-ħarsa tagħhom lejn l-istituzzjonijiet Ewropej bit-tama li din tipprovdi assistenza kruċjali f’dan iż-żmien diffiċli u bla preċedent. U waqt li kien hemm ħafna li ħasbu li forsi l-Unjoni Ewropea ma kinitx qed tagħmel biżejjed, huma bosta l-inizjattivi li qed isiru ta’ kuljum b’solidarjetà, kemm permezz tal-istituzzjonijiet Ewropej u anke bejn l-Istati Membri.

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha limitazzjonijiet konsiderevoli fil-qasam tas-saħħa,  minħabba li kull Stat Membru huwa responsabbli għall-organizzazzjoni u l-għoti tal-kura f’pajjiżu, xorta waħda qed isir ħafna xogħol li jikkumplimenta l-ħidma fuq livell nazzjonali bil-għan li r-rispons għall-COVID-19 ikun kemm jista’ jkun koordinat. Fil-fatt, huma bosta l-mezzi li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda timmobilizza sabiex is-setturi tas-saħħa pubblika jkunu msaħħa fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Fil-qasam tal-kura tal-pazjenti, il-Korp Mediku tal-Unjoni Ewropea ffinanzja u bagħat numru ta’ tobba u infermieri mir-Rumanija u min-Norveġja lejn Bergamo fl-Italja. Il-Ġermanja tat kura intensiva lil madwar 175 ċittadin Taljan u Franċiż, filwaqt li l-awtoritajiet Awstrijaċi, li ħadu ’l fuq minn 10 pazjenti mill-Italja tennew li dan il-ġest żgħir f’sitwazzjoni diffiċli għandu jkun simbolikament importanti f’Ewropa solidali. Dan kollu mingħajr ma wieħed jikkunsidra l-miljuni ta’ maskli protettivi u tagħmir mediku li l-Istati Membri qed joffru lil xulxin.

Huma bosta dawk iċ-ċittadini li matul l-aħħar ġimgħat twasslu lura pajjiżhom bil-kordinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt, s’issa diġà saru aktar minn 100 titjira ta’ ripatrijazzjoni biex jitwasslu f’pajjiżhom aktar minn 20,000 ċittadin lejn l-Unjoni Ewropea li nqabdu f’pajjiż ieħor, kollha faċilitati u kofinanzjati mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

Fil-qasam tan-negozji, il-Kummissjoni Ewropea użat ukoll il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi billi żblukkat €8 biljuni li għandhom iservu bħala għajnuna finanzjarja għal madwar 100,000 negozju Ewropew minn April 2020. B’hekk negozji ser ikunu jistgħu japplikaw għall-appoġġ mill-banek lokali li ser ikunu qed jipparteċipaw fl-iskema.

Dan mingħajr ma wieħed jinsa jsemmi inizjattivi oħra ekonomiċi mnedija bil-għan li jtaffu r-riskji ta’ qgħad fl-Istati Membri bħalma hija l-iskema SURE li ser tkun qed tipprovdi assistenza ta’ mhux iktar minn €100 biljun f’għamla ta’ self mogħti b’termini favorevoli biex tgħin fil-preservazzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ tal-familji.

Ir-realtà hi li ħadd qatt ma basar li dan il-virus qerriedi ser jaffettwa l-ħajja tagħna ta’ kuljum b’dan il-mod. B’danakollu, il-miżuri effettivi li qegħdin jittieħdu juru li l-Unjoni Ewropea hija solidali iktar minn qatt qabel. Iż-żmien li nerġgħu lura għall-ħajja normali qiegħed kulma jmur joqrob u li l-ħolma ta’ Schuman għal Ewropa iktar magħquda u solidali qiegħda hemmhekk mhux biss f’perjodi sbieħ, imma wisq iktar quddiem sfidi kbar.

« Back