L-Unjoni Ewropea taħseb għal wara l-pandemija

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 18.05.2020

L-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 ġabu taqliba kullimkien; fis-saħħa, fl-ekonomija, fl-impjiegi u fil-mod tal-għajxien tas-soċjetà. Minkejja l-miżuri li ttieħdu, kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq livell ta’ Unjoni Ewropea, l-ekonomiji fl-Ewropa mistennija jieħdu daqqa ’l isfel li qatt ma kien hawn bħalha mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.

Tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea  dwar l-istat tal-ekonomija fl-Unjoni Ewropea, li ħareġ xi ġranet ilu, juri li l-ekonomiji taż-Żona Ewro mistennija jiċkienu b’rekord ta’ 7.75% din is-sena u jikbru b’6.25% is-sena d-dieħla. Ir-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija fl-Unjoni Ewropea tniżżlet b’madwar 9% minn kemm kienet imbassra fl-aħħar tas-sena l-oħra. Għal Malta, il-Prodott Domestiku Gross mistenni jiċkien b’madwar 5.75% din is-sena, imma jikber b’6% s-sena d-dieħla.

Biex tindirizza l-effetti koroh tal-pandemija, l-Unjoni Ewropea ħadet azzjoni fuq diversi livelli u b’diversi modi li jissarrfu f’biljuni ta’ ewro biex tilqa’ għad-daqqiet kbar li ħadu l-oqsma tas-saħħa, it-turiżmu, in-negozji u l-impjiegi fost l-oħrajn. Issa x’se jkun ir-rispons tal-Unjoni Ewropea biex minn issa tibda taħseb għal meta u biex l-ekonomiji jibdew jirkupraw?

Jekk hemm xi ħaġa li tgħallimna mill-pandemija hija li mhux biss fi żminijiet ta’ kriżi, imma iktar u iktar fi kriżi, ir-rwol tal-Unjoni Ewropea hu kruċjali biex l-isfidi kbar u komuni jiġu indirizzati b’mod komuni.

Dan stqarrewh il-Membri tal-Parlament Ewropew f’laqgħa li kellhom fis-16 ta’ April flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Il-Membri tal-Parlament Ewropew qalu li waqt il-ħruġ mill-pandemija, il-kordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-gvernijiet individwali hija kruċjali, għaliex il-passi li jieħu pajjiż biex jirrilaxxa l-miżuri jaffettwaw lill-pajjiżi l-oħra. Huma qalu wkoll li ċ-ċittadini jistennew li l-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet jaġixxu b’mod deċiżiv biex noħorġu mill-kriżi u bl-istess mod għandhom jaħdmu biex permezz ta’ soluzzjonijiet ambizzjużi jibnu Ewropa iktar reżiljenti u ppreparata għa li ista’ jinqala’.

F’dik il-laqgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ investiment massiċċ mill-Unjoni Ewropea, anki permezz tal-baġit għas-snin 2021-2027 li għandu jkun is-sors ewlieni biex l-Unjoni Ewropea tirkupra. Skont von der Leyen, il-mod kif tħaddem il-baġit fil-passat, wera li hu strument trasparenti u li jagħti r-riżultati. Dan jista’ jkun parti minn pjan sħiħ, simili għall-Pjan Marshall li kien għen biex jerġgħu jinbnew l-ekonomiji tal-pajjiżi Ewropej wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Minkejja li qabel il-pandemija kienu ġa saru taħdidiet twal u numerużi dwar il-baġit għall-perjodu 2021-2027, issa żgur li għall-inqas fl-ewwel snin tiegħu jrid ikun imfassal b’mod li jixpruna l-ekonomiji u s-Suq Uniku, li d-daqqa li ħadu ma tistax titqabbel ma’ kriżijiet oħra. Il-ħsieb tal-President tal-Kummissjoni Ewropea hu li l-baġit għas-seba’ snin li ġejjin jixpruna lill-Unjoni Ewropea biex tkun aktar soda, ekoloġika u diġitali. Dawn kienu l-prijoritajiet ewlenin ta’ qabel il-pandemija u jibqgħu jgħoddu, għaliex minkejja l-pandemija, l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-bżonn ta’ ekonomija ċirkulari u diġitali jibqgħu hemm. Dawn jitolbu investiment qawwi f’enerġija rinnovabbli, trasport nadif, ikel sostenibbli u rispett lejn l-ambjent.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea hi tal-fehma li issa hu l-mument li fih l-Istati Membri jwarrbu dak li jifridhom u jingħaqdu aktar biex jippreparaw għal dinja differenti wara l-pandemija. Dan jista’ jsir biss billi jibnu l-ekonomiji u l-mod kif jgħixu s-soċjetajiet iktar sostenibbli u reżiljenti. L-ingredjenti għas-suċċess ta’ din it-triq huma l-kuraġġ, il-fiduċja u s-solidarjetà, flimkien ma’ investiment massiċċ.

Fuq kollox, il-mod kif l-Unjoni Ewropea toħroġ mill-pandemija u kif jirkupraw l-ekonomiji, jista’ jkun it-test kruċjali dwar kif se tkun l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

« Back