Is-16-il anniversarju ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea, f’nofs pandemija

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 20.04.2020

Kull sena, għal dawn l-aħħar 16-il sena, fl-1 ta’ Mejju nfakkru s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Din is-sena differenti, għax dan l-anniversarju qed ngħixuh f’nofs pandemija li ħasdet lid-dinja u b’mod l-iktar drammatiku lill-kontinent Ewropew.

Anniversarju differenti bil-kbir, imma fl-istess ħin huwa okkażjoni biex nistaqsu mistoqsija importanti: x’għallmitna l-pandemija dwar kif għandha tkun l-Unjoni Ewropea wara li noħorġu mill-kriżi?

Minkejja l-kruha ta’ din il-kriżi, li heżżet is-setturi tas-saħħa, l-ekonomiji u l-mod kif ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum, pajjiżna u pajjiżi oħra għexu ħafna mumenti ta’ solidarjetà, f’kull livell. Ħafna u ħafna nies qamu għall-okkażjoni, insew id-differenzi, u raw kif jistgħu jgħinu biex noħorġu mill-pandemija flimkien. Il-ġesti kollha ta’ solidarjetà juruna li s-saħħa hi fl-għaqda u fl-ebda soluzzjoni oħra.

Biżżejjed insemmu l-ġesti ta’ solidarjetà minn dawk li jinsabu fuq quddiem fis-servizzi tal-kura tas-saħħa, il-forzi tal-ordni, dawk li jipprovdu l-ikel u s-servizzi essenzjali u ħafna oħrajn li ma jissemmewx. Ma’ dawn hemm l-isforz li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni għamlet u qiegħda tagħmel biex waqt li toqgħod ġewwa ħalli l-pandemija ma tinfirixx, taħseb f’min hu vulnerabbli u waħdu. Dan hu eżempju li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi u ta’ kif għandha timxi fix-xhur u s-snin li ġejjin. Pajjiżna, bħal f’ħafna kriżijiet oħra wera li minkejja ċ-ċokon tiegħu, jista’ wkoll ikun ta’ eżempju għal pajjiżi oħra, kif iċċertifikat l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Jekk nagħrfu li s-soluzzjoni għall-kontroll tal-pandemija hija s-solidarjetà, jeħtieġ nagħrfu li t-triq ’il quddiem għall-Unjoni Ewropea mingħajr pandemija mhix għajr din. Anki fis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea – flimkien aħjar milli waħedna – bit-tajjeb u l-ħażin.

Hekk għandna naraw is-16-il sena sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Jekk dejjem niġbdu ħabel wieħed, f’kollox u minkejja d-differenzi, meta jiġu l-isfidi l-kbar mhux nibdew naraw kif se niffaċċjawhom, imma nkunu ppreparati biex mill-ewwel naħdmu flimkien fi sforz kollettiv. Hekk għandhom bżonn jagħmlu l-Istati Membri kollha.

Din il-pandemija mhix l-unika kriżi li għaddejjin minnha – sempliċiment qed niffukaw fuqha, waqt li ħallejna xi ftit fil-ġenb sfidi oħrajn. L-immigrazzjoni irregolari, pereżempju, ma tħallietx fil-ġenb għax m’għadhiex hemm. Is-soluzzjoni mhix għajr is-solidarjetà, għax jekk il-pajjiżi kollha ma jiġbdux ħabel wieħed ibati kulħadd.

L-effetti koroh tal-pandemija mhux kollha jidhru. Hemm eluf ta’ ħaddiema, negozji u familji, li kellhom u għandhom bżonn l-appoġġ kemm tal-Istat u kemm tal-Unjoni Ewropea. Bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna qed jiġi megħjun bil-flessibiltà fir-regoli tad-dejn pubbliku u fl-għajnuna li l-Istat jista’ jagħti lin-negozji u l-kumpaniji. L-Unjoni Ewropea, permezz tal-istrutturi finanzjarji u ta’ programmi ta’ fondi tagħha, tista’ tgħin lil Malta wkoll biex jonqos in-numru ta’ dawk li jitilfu l-impjieg ħalli meta tgħaddi l-pandemija nerġgħu lura għal li konna fl-iqsar żmien u bl-inqas danni possibbli. Is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna jgawdu wkoll mill-appoġġ tal-Unjoni Ewropea fir-riċerka, minn dak li tgħallmu pajjiżi oħra x’inhuma l-aħjar miżuri fil-pandemija, u biex ikollna provista adegwata ta’ tagħmir mediku.

Kollox ma’ kollox, m’għandniex naraw is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea f’termini ta’ x’se nieħdu u x’se nagħtu. Dawn għandna nqisuhom ukoll, imma qabel kollox, f’dawn is-16-il sena ta’ sħubija, Malta dejjem uriet li kienet Stat Membru attiv u ta’ eżempju ta’ kif il-pajjiżi għandhom jiġbdu ħabel wieħed fi kwistjonijiet komuni u li ma jistgħux jerfgħu weħidhom.

 

 

« Back