Relazzjoni ġdida tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 09.03.2020

Mill-31 ta’ Jannar ta’ din is-sena, ir-Renju Unit ikkonferma li l-uniku mod li permezz tiegħu jista’ jerġa’ jissejjaħ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huwa permezz ta’ applikazzjoni ġdida. Kollox beda mill-wegħda elettorali tal-eks Prim Ministru Ingliż David Cameron, li ġiet onorata f’Ġunju tal-2016 bil-maġġoranza ta’ dawk li vvutaw fir-referendum ma ridux jibqgħu membri tal-Unjoni Ewropea. Ftit kienu dawk li bassru li r-riżultat ser joħloq daqshekk instabbiltà għal żmien pjuttost twil.

Minn dakinhar, ir-Renju Unit kellu żewġ Prim Ministri oħra – Theresa May u Boris Johnson, pressjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Iskozja li inċidentalment ivvutaw kontra l-Indipendenza meta r-Renju Unit kien għadu Stat Membru, u diżgwid sħiħ dwar il-fruntiera ta’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda. Dan mingħajr ma’ wieħed isemmi d-diżgwid sħiħ fil-Parlament Ingliż u d-diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea dwar il-mod kif kellu jsir it-tluq.

Rigward il-kwistjoni Irlandiża, fil-prattika kulma nbidel huwa li ntlaħaq qbil bejn il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar u dak Ingliż, li permezz tiegħu kontrolli tal-fruntiera jibdew iseħħu fil-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-bqija tar-Renju Unit – deċiżjoni li xejn ma niżlet tajjeb mal-awtoritajiet tal-Irlanda ta’ Fuq. B’danakollu, il-gvern immexxi minn Johnson huwa gvern b’maġġoranza b’saħħitha u kienet din id-deċiżjoni li wasslet għall-iżblokk neċessarju fit-taħdidiet. Dan ifisser li matul din is-sena, ċittadini fuq iż-żewġ naħat mhumiex ser jesperjenzaw xi differenzi partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-istil ta’ ħajja li ċittadini tal-Unjoni Ewropea jgawdu minnha.

Matul din is-sena ser ikun hemm diskussjonijiet dwar x’tip ta’ relazzjoni ser ikun hemm bejn iż-żewġ partijiet wara l-perjodu tranżitorju, jiġifieri mis-sena d-dieħla. Li hu żgur hu li hemm ħafna x’wieħed jiddiskuti, u idealment, jaqbel dwaru. L-Unjoni Ewropea bosta drabi saħqet li ladarba r-Renju Unit ħass li ma kellux jibqa’ Stat Membru, ċertu benefiċċji ma jistgħux jibqgħu japplikaw. B’danakollu hemm sens ta’ qbil li ż-żewġ naħat għandhom jikkoperaw kemm jista’ jkun. Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni min-naħa tal-Unjoni Ewropea ser ikun responsabbli li jara li jsiru negozjati u li jintlaħaq qbil f’diversi oqsma importanti, fosthom il-kummerċ, is-sigurtà, l-affarjiet barranin, arranġamenti fil-qasam tal-edukazzjoni u anke s-sajd. Tant hemm x’wieħed jaqbel fuqu li l-indikazzjonijiet kollha jimmiraw lejn arranġamenti bażiċi għalissa.

Johnson ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea ‘tħaffef’ il-proċessi li bihom topera fil-qasam tal-kummerċ, anke minħabba li hu konxju li nuqqas ta’ qbil f’dan ir-rigward ser joħloq numru ta’ problemi. Wieħed ma jistax ma jikkunsidrax il-problemi burokratiċi li ser jinħolqu bejn il-fruntieri taż-żewġ naħat f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil f’dan ir-rigward, speċjalment għar-Renju Unit. Huwa fl-interess tar-Renju Unit li jintlaħaq qbil minħabba li d-dewmien għal diversi setturi, fosthom dak agrikolu, l-industrija tal-karozzi u dak tas-saħħa, jista’ jwassal biex dawn jikkunsidraw ‘jemigraw’ lejn Stati Membri oħra iktar ‘kompetittivi’.

F’dan ir-rigward tkellmet anke fost l-oħrajn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen li filwaqt li spjegat li l-Unjoni Ewropea ser tkun impenjata favur relazzjoni b’saħħitha, il-konsegwenzi li ġġib magħha deċiżjoni bħalma ttieħdet fir-Renju Unit xorta qegħdin hemm. Von der Leyen spjegat li r-Renju Unit ma jistax jagħżel liema prinċipji japplikaw għalih u jikkommetti għal dawk biss, b’referenza għas-Suq Uniku Ewropew. Min-naħa l-oħra, il-President Franċiż Emmanuel Macron talab lir-Renju Unit juri element ta’ flessibiltà fin-negozjati li ser ikunu qed isiru matul din is-sena jekk verament jixtiequ li dawn in-negozjati jingħalqu sal-aħħar tas-sena.

L-Unjoni Ewropea qed tiddefendi l-interessi tagħha speċjalment fejn jidħol is-Suq Uniku. Ir-Renju Unit issa huwa ffaċċjat b’deċiżjoni, li waqt li l-benefiċċji li ġġib magħha sħubija fl-Unjoni Ewropea ntilfu, huwa essenzjali li fit-tfassil ta’ relazzjoni ġdida, iż-żewġ naħat jaħdmu għal relazzjoni li tibbenefika liż-żewġ naħat.

« Back