Il-MEUSAC tgħinek tifhem kif tapplika għal Fondi Ewropej

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 04.03.2020

Il-MEUSAC kontinwament taħdem biex tqarreb liċ-ċittadini f’Malta u Għawdex lejn l-Unjoni Ewropea. Bħala Stat Membru, Malta tibbenefika minn ammont konsiderevoli ta’ fondi Ewropej u għaldaqstant, il-MEUSAC tassisti għaqdiet Maltin biex jisfruttaw dawn il-fondi. Dan nagħmluh minħabba li l-proċess biex tapplika għal dawn il-fondi huwa kemxejn metikoluż, u għaldaqstant, il-Gvern Malti, permezz tal-MEUSAC, joffri din l-għajnuna meħtieġa mingħajr ħlas. Għaqdiet interessati jiġu megħjuna jimlew l-applikazzjoni neċessarja biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ fondi Ewropej f’oqsma differenti. Fil-fatt, matul iż-żmien, il-MEUSAC assistiet b’suċċess diversi għaqdiet lokali, bħal skejjel, kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi, u entitajiet tal-gvern.

Biex tiffaċilita dejjem aktar il-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi, il-MEUSAC minn żmien għal żmien torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ. Dawn is-sessjonijiet jiġu ripetuti peress li kontinwament jinħolqu għaqdiet mhux governattivi ġodda u jinbidlu l-persuni fil-kunsilli lokali, skejjel u entitajiet oħra tal-gvern. F’dawn is-sessjonijiet, il-parteċipanti jitgħallmu kif isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jiżviluppaw u jissottomettu proposti ta’ proġetti b’saħħithom. Is-sessjonijiet ta’ taħriġ joffru tgħarif bażiku b’informazzjoni sempliċi, iżda bbażata fuq l-esperjenza, dwar kif tħejji, tiddisinja u tiżviluppa proposta b’saħħitha ta’ proġett. Għal darb’oħra, il-MEUSAC toffri dan is-servizz bla ħlas.

L-interess għal dan it-taħriġ huwa tajjeb ferm ukoll. Infatti, is-sena l-oħra l-MEUSAC organizzat 5 sessjonijiet ta’ taħriġ li b’kollox attendew għalihom ftit iktar minn 140 persuna.

L-ewwel sessjonjijiet ta’ taħriġ għal din is-sena se jsiru nhar is-Sibt 4 ta’ April għal għaqdiet mhux governattivi u skejjel, u l-Erbgħa 8 ta’ April għall-kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern. Is-sessjonijiet sa jsiru bejn id-09.00 ta’ filgħodu u s-01.00 ta’ wara nofsinhar.

Iktar dettalji dwar dawn is-sessjonijiet u informazzjoni biex tirreġistra, jitħabbru iktar il-quddiem. Jekk trid tkun minn tal-ewwel biex tirċievi notifikazzjoni, żur l-Events Page ta’ Facebook billi tfittex ‘Capacity Building on Project Development – MEUSAC’.

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi offruti minn MEUSAC lill-għaqdiet lokali, ikkuntattjana fuq funding.meusac@gov.mt jew fuq 2200 3300.

« Back