Il-COVID-19: x’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea?

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 23.03.2020

Il-Coronavirus qiegħed fuq moħħ u fomm kulħadd, iktar u iktar għaliex din is-sitwazzjoni ġiet fi żmien qasir u ħasdet lil kulħadd. Ħadd ma kien jistenna li mikrobu li ma jidhirx, iħarbat lill-Ewropa b’dan il-mod u jħalli effetti negattivi li għad irridu naraw x’se jkunu l-konsegwenzi tiegħu fix-xhur li ġejjin. U dan minkejja l-livell għoli tal-kwalità tal-ħajja u tas-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa.

L-effetti tal-pandemija qed jinħassu f’kull settur u l-iktar ta’ tħassib hu l-fatt li ħadd ma jaf kemm se ddum is-sitwazzjoni. Dan jitlob iktar minn qatt qabel il-koperazzjoni bejn il-gvernijiet, ir-rappreżentanti tas-setturi tas-soċjetà, l-intrapriżi, u kull wieħed u waħda minna.

F’sitwazzjoni bħal din, l-Unjoni Ewropea tista’ turi li l-ħidma konġunta tal-Istati Membri hi aktar effettiva milli kull wieħed jaħdem għal rasu. L-azzjonijiet li qegħdin jittieħdu huma kemm biex jittaffew l-effetti koroh tal-pandemija fuq is-saħħa, fuq l-ekonomija, fuq l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-bqija, u kif ukoll biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni kemm jista’ jkun malajr. Din il-kriżi tista’ tkun agħar minn kriżijiet li ffaċċjajna fl-aħħar snin, inkluż il-kriżi ekonomika u finanzjarja ta’ kważi għaxar snin ilu.

Wieħed mill-ewwel pasi tal-Kummissjoni Ewropea kien li ħarġet sett ta’ miżuri biex tindirizza din il-kriżi. Dawn il-miżuri jinġabru fil-punti li ġejjin: jiġi żgurat li fl-Ewropa kollha jkun hawn provvista ta’ tagħmir protettiv u mediċini meħtieġa; jitnaqqas l-impatt negattiv fuq il-ħajja tan-nies u l-ekonomija bil-flessibiltà fir-regoli fiskali applikabbli għal kull Stat Membru; investiment ta’ €37 biljun mill-Politika ta’ Koeżjoni, li jipprovdu likwidità lin-negozji u s-settur tas-saħħa; jiġi ristrett temporanjament l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ linji gwida lill-Istati Membri dwar miżuri li jittieħdu fil-fruntieri biex tipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini, tiżgura li dawk in-nies li jkollhom jivvjaġġaw ikun ttrattati tajjeb u li jassiguraw li l-prodotti u s-servizzi essenzjali jibqgħu jiġu pprovduti u jaslu għand il-fabbriki, il-ħwienet, il-pazjenti u s-sistemi tas-saħħa.

Il-mexxejja tal-Istati Membri huma kommessi li jaħdmu flimkien u jagħmlu dak kollu meħtieġ biex jegħlbu l-kriżi u l-konsegwenzi tagħha. Il-prijorità hi s-saħħa taċ-ċittadini.

F’laqgħa virtwali li kellhom il-ġimgħa l-oħra, approvaw il-miżuri tal-Kummissjoni biex ma jibqax jinfirex il-virus, inkluż li jirrestrinġu d-dħul mhux essenzjali ta’ nies barra mill-Unjoni Ewropea għal 30 jum. Huma qablu li jiżguraw l-aċċess għat-tagħmir mediku, għall-mediċini, ikel u prodotti. Qablu wkoll li jappoġġjaw ir-riċerka, jaqsmu l-informazzjoni u li jinstab vaċċin li jkun disponibbli għal kull min jiġi bżonnu. Fejn jidħlu l-konsegwenzi fuq l-ekonomija, il-mexxejja Ewropej qablu li jaħdmu flimkien biex jitwettqu l-miżuri tal-Kummissjoni dwar flessibiltà fir-regoli fiskali u l-għajnuna mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Il-miżuri li qiegħda tieħu l-Unjoni Ewropea huma bbażati fuq l-evidenza xjentifika. Għaldaqstant twaqqaf bord ta’ xjentisti esperti fil-kontroll tal-mard u tal-mikrobi, li xogħolhom hu li jantiċipaw l-iżviluppi tat-tixrid tal-coronavirus u jistabbilixxu linji gwida u ta’ azzjoni fuq livell Ewropew.

Is-sitwazzjoni qiegħda l-ħin kollu tinbidel u għaldaqstant il-miżuri qegħdin jittieħdu skont il-ħtieġa, dejjem bil-għan li l-Unjoni Ewropea tappoġġja lill-Istati Membri jindirizzaw il-kriżi flimkien.

Qatt daqs din is-sitwazzjoni ma hu meħtieġ il-ħidma kontinwa u flimkien minn kulħadd. It-tama hija li din il-kriżi tikkonvinċi lil kulħadd li t-triq ’il quddiem f’kull sitwazzjoni hi l-għaqda u li kulħadd jiġbed ħabel wieħed, minbarra li kulħadd iqis il-ġid komuni u mhux individwali, kemm jekk hu pajjż, komunitajiet, jew individwi.

« Back