Fondi għaż-żgħażagħ mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 20.03.2020

l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jippromwovi l-valur tas-solidarjetà, partikolarment permezz tal-volontarjat.

Il-Kummissjoni Ewropea ddedikat baġit ta’ €375.6 miljun għal dan il-fond għall-perjodu 2018-2020.

Permezz ta’ proġetti finanzjati minn dan il-programm, żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena jistgħu jagħmlu esperjenzi ta’:

(i) Volontarjat bħala individwu jew bħala grupp
Bħala individwu: żgħażagħ li jieħdu sehem fi proġett ta’ dan it-tip ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma ta’ kuljum ta’ organizzazzjonijiet f’attivitajiet ta’ solidarjetà, f’perjodu bejn xahrejn u tnax-il xahar, kemm barra mill-pajjiż u kemm fil-pajjiż li jgħixu fih. Dawn iż-żgħażagħ ikunu mistennija jipparteċipaw f’attivitajiet li jkopru t-temi tal-inklużjoni soċjali, l-ambjent, u l-kultura fost oħrajn.

Bħala grupp: timijiet ta’ żgħażagħ ġejjin minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ solidarjetà li jistgħu jdumu bejn ġimagħtejn u xahrejn. Minkejja li dawn huma proġetti ta’ perjodu iqsar, l-impatt tagħhom huwa xotra wieħed pożittiv kemm fuq l-individwi u anke fuq il-komunitajiet konċernati. Xi eżempji ta’ attivitajiet li jistgħu jsiru anke fuq perjodu qasir ta’ żmien insibu r-restawr ta’ wirt storiku li tkun ġratlu ħsara minħabba diżastri naturali jew l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet edukattivi f’kampijiet tar-refuġjati.

(ii) Impjiegi u skemi ta’ taħriġ
Permezz ta’ dawn it-tipi ta’ proġetti, iż-żgħażagħ jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ solidarjetà li jagħtuhom l-opportunità jipprattikaw xogħol jew impjieg (f’konformità mal-qafas regolatorju nazzjonali), biex itejbu l-ħiliet u l-esperjenza tagħhom u b’hekk isiru aktar impjegabbli u lesti għat-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol.

(iii) Proġetti ta’ Solidarjetà
Permezz ta’ dawn il-proġetti, grupp ta’ mill-inqas ħames żgħażagħ jistgħu jimplimentaw proġett ta’ solidarjetà b’risq il-komunità lokali. Infatti, dawn il-proġetti jistgħu jdumu għaddejjin bejn xahrejn u tnax-il xahar u jridu jseħħu fil-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin il-parteċipanti.

Fl-2018 il-MEUSAC għenet ħames żgħażagħ, membri tal-Emergency Response and Rescue Corps – CADETS (illum Malta CADETS Corps) biex jissottomettu applikazzjoni għal proġett ta’ solidarjetà li jġib l-isem Protecting our Future! Dan il-proġett, li ġie magħżul għall-fondi u għaldaqstant implimentat miż-żgħażagħ involuti, kien jikkonsisti f’numru ta’ sessjonijiet ta’ tindif ta’ skart f’Wied il-Lunzjata, f’Kerċem, Għawdex, u attivitajiet varji oħra sabiex titqajjem kuxjenza u jiżdied it-tagħlim fuq l-ambjent.

Għal aktar informazzjoni dwar Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u fondi oħra tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.

« Back