COVID-19: Is-Saħħa fl-Għaqda

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 25.03.2020

Waqt li l-każijiet tal-Coronavirus bdew jiżdiedu drastikament, l-Unjoni Ewropea mill-ewwel ħadet miżuri biex tnaqqas l-imxija u l-effetti ħżiena fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomiji fl-Ewropa.

Sitwazzjoni bħal din, iktar minn oħrajn, titlob li jitwettaq fil-prattika wieħed mill-pilastri li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea – is-solidarjetà. Bħal fi kriżijiet oħrajn, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qegħdin juru li s-saħħa hi fl-għaqda u f’li kulħadd għandu jiġbed ħabel wieħed b’responsabbiltà.

Is-saħħa pubblika
Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tikkoordina azzjonijiet komuni bejn l-Istati Membri, fuq diversi livelli u bbażati fuq evidenza xjentifika u f’koordinament mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

Waħda mill-ewwel azzjonijiet b’rispons għall-pandemija kienet it-twaqqif ta’ grupp ta’ xjentisti mmexxija mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, Stella Kyriakides. Il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar miżuri ta’ prevenzjoni tat-tixrid u trattament tal-marda, prijoritajiet tal-kura tas-saħħa u l-protezzjoni ċivili. Tħabbret ukoll miżura li tiggarantixxi provisti u tagħmir mediku biex jitqassmu lill-Istati Membri li l-iktar jeħtiġuhom.

Il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea hi msaħħa mis-sehem taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u ċ-Ċentru ta’ Kordinament tar-Rispons ta’ Emerġenza. Dawn l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea twaqqfu biex jassiguraw is-saħħa fi żminijiet normali. F’każijiet straordinarji bħal din il-pandemija, l-istrutturi li jkunu ġew stabbiliti matul is-snin iservu ta’ rispons ta’ emerġenza.

L-ekonomija
Waqt li l-Istati Membri qegħdin jieħdu miżuri ċari u ibsin, l-iktar biex jipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tagħhom, il-pandemija qiegħda theżżeż l-ekonomiji. Dan wassal biex jittieħdu miżuri li jsaħħu s-sistemi tas-saħħa, inkluż it-tagħmir, il-professjonisti u l-mediċini, imma wkoll biex jgħinu lis-setturi l-aktar milquta bit-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika.

Bla dubju, l-Istati Membri se jkollhom żieda sostanzjali fid-defiċit u d-dejn nazzjonali. Il-Kummissjoni qiegħda tħalli flessibiltà sħiħa fl-applikazzjoni tar-regoli fiskali għall-Istati Membri, u għar-regoli dwar l-Għajnuna tal-Istat minn fondi pubbliċi lill-kumpaniji fi problemi. Talbet ukoll l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex l-Istati Membri jiġu meħlusa mill-obbligi tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir li f’ċirkustanzi normali jorbtuhom b’regoli stretti dwar il-kontroll tad-defiċit u d-dejn pubbliku.

Il-kumpaniji u n-negozji qegħdin jingħataw għajnuna diretta, garanziji fuq is-self u self b’interessi baxxi. Il-banek qed jingħataw ukoll salvagwardji meta jgħinu lin-negozji żgħar u medji. Fost l-inizjattivi li jiddisponu mill-baġit tagħha, l-Unjoni Ewropea ddedikat €37 biljun biex tgħin lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jgħinu l-likwidità lin-negozji. Il-Bank Ċentrali Ewropew ukoll ħabbar programm ta’ €750 biljun biex jistimula l-ekonomija fl-Ewropa.

L-ivvjaġġar
Il-Kummissjoni ħarġet ukoll linji gwida biex tiżgura li minħabba li l-Istati Membri ħadu miżuri ta’ restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar, id-drittijiet tal-passiġġieri jiġu mħarsa. Il-ġimgħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea għalqet il-fruntieri ma’ pajjiżi terzi għal mill-inqas 30 jum.

Is-saħħa fl-għaqda
Għalkemm il-pandemija tal-Coronavirus la kienet mistennija u lanqas mixtieqa, tista’ sservi ta’ okkażjoni biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jagħrfu li f’sitwazzjonijiet bħal dawn joħroġ iktar il-bżonn ta’ ħidma flimkien li tagħti riżultati aħjar milli kieku l-partijiet jaqdfu għal rashom.

Il-MEUSAC, permezz tas-sit elettroniku tagħha www.meusac.gov.mt iżżommok aġġornat dwar l-aħħar żviluppi fl-Unjoni Ewropea dwar il-Coronavirus.

« Back