Ninfurmawk dwar l-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 24.02.2020

Qatt ġejt bżonn informazzjoni dwar xi servizz marbut mal-Unjoni Ewropea u ma kontx taf fejn tista’ ssaqsi? Kellek bżonn tagħmel ilment dwar xi diffikultà meta xtrajt prodott jew servizz minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea? Biħsiebek issiefer f’xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea u trid tkun taf xi drittijiet għandek meta tivvjaġġa, jew f’każijiet ta’ emerġenza, saħħa, studju, xogħol u każijiet oħra? Qatt ġejt bżonn informazzjoni dwar xi liġi tal-Unjoni Ewropea? Jew jekk bħala organizzazzjoni tistax tapplika għal xi fondi tal-Unjoni Ewropea?

Permezz ta’ ċentru ‘Europe Direct’ li tmexxi, il-MEUSAC tgħinek issib tweġiba għal dawn it-tip ta’ mistoqsijiet, għaliex din hija waħda mill-funzjonijiet tagħha – li tqarreb iċ-ċittadini lejn l-Unjoni Ewropea billi fost l-oħrajn, tgħinhom jibbenefikaw bl-aħjar mod mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea għandha mal-450 ċentru msejħa Europe Direct, imxerrdin mal-Istati Membri biex jipprovdu din l-informazzjoni u aktar. F’Malta, minbarra ċ-ċentru Europe Direct Valletta mmexxi mill-MEUSAC, insibu ieħor fl-Università u ieħor f’Għawdex. Dawn iċ-ċentri jirċievu fondi mill-Kummissjoni Ewropea għas-servizzi tagħhom.

Għaldaqstant, Europe Direct Valletta jservi ta’ one-stop-shop għal dawk li jkollhom bżonn xi tip ta’ informazzjoni marbuta mal-Unjoni Ewropea. U jekk l-informazzjoni mitluba tkun teħtieġ assistenza speċjalizzata, Europe Direct jidderiġuk lejn wieħed minn diversi uffiċċji speċjalizzati f’Malta biex jassistu f’każijiet ta’ diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Fost dawn iċ-ċentri nsibu dawk għall-konsumaturi, dawk li jimmaniġġjaw programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea bħall-Erasmus+, dawk li jieħdu ħsieb jikkordinaw is-servizzi tas-saħħa meta jkollok bżonn tużahom fi Stati Membri oħra, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, u informazzjoni marbuta ma’ impjieg f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Matul is-sena, bħala MEUSAC u Europe Direct Valletta ntellgħu diversi attivitajiet biex nagħmlu l-Unjoni Ewropea u l-benefiċċji tagħha iktar aċċessibbli għal dawk li jkunu jeħtiġuha. Hekk pereżempju, f’Jum l-Ewropa li jaħbat fid-9 ta’ Mejju, nagħmlu attività quddiem il-bini tal-Parlament li fiha jieħdu sehem ċentri ta’ informazzjoni li għandna f’Malta u li jipprovdu servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea. Lejn l-aħħar ta’ Settembru, nieħdu sehem fil-festival tax-xjenza fil-Belt fejn inqajmu għarfien mat-tfal u l-istudenti. Matul is-sena nagħmlu wkoll kampanji ta’ għarfien dwar suġġetti relatati mal-Unjoni Ewropea.

Matul is-sena, diversi persuni jikkuntattjawna dwar l-applikazzjoni ta’ xi liġi jew oħra tal-Unjoni Ewropea f’Malta. Oħrajn ikellmuna minn organizzazzjonijiet volontarji u kunsilli lokali li jkollhom xi proġett f’moħħhom u jkunu jridu jaraw jekk hemmx fondi tal-Unjoni Ewropea biex jiffinanzjawh. Kemm ilha mwaqqfa l-MEUSAC, inkisbu miljuni ta’ fondi Ewropej biex isiru proġetti ta’ skambji ma’ żgħażagħ u komunitajiet f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, biex jittieħdu inizjattivi f’komunitajiet f’Malta, isir investiment f’taħriġ u tagħmir, u għal mitt għan ieħor.

Matul is-sena jkollna diversi persuni li jiġu għandna biex isibu materjal ta’ informazzjoni u pubblikazzjonijiet li toħroġ minn żmien għal żmien l-Unjoni Ewropea dwar suġġetti differenti. Ikollna wkoll talbiet minn skejjel u għalliema biex nipprovdulhom materjal ta’ tagħlim adattat għat-tfal. Il-pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea joħorġu kemm bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż.

L-uffiċini tal-MEUSAC u Europe Direct Valletta jinsabu fi Triq ir-Repubblika, ftit ’l isfel mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.

Għal aktar tagħrif dwar is-servizzi tagħna tista’ żżur is-siti elettroniċi meusac.gov.mt jew europedirectmalta.info, iċċempel 2200 3300 jew 2200 3316, jew tibgħat email fuq info.meusac@gov.mt jew edicvalletta.meusac@gov.mt.

« Back