Kif jgħaddu l-liġijiet fl-Unjoni Ewropea?

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 12.02.2020

Huwa fatt li l-Unjoni Ewropea hija organizzazjoni kumplessa u mhux daqshekk faċli li wieħed jifhem il-proċessi u s-sistemi ta’ kif taħdem. Biss biss, l-Unjoni hija magħmula minn 27 pajjiż, minn 7 istituzzjonijiet u iktar minn 40 aġenżija.

Allura, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea? Biex nifhmu aħjar, irridu nibdew mit-tliet istituzzjonijiet importanti f’dan il-proċess: il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li huma l-istituzzjonijiet involuti direttament fl-adozzjoni tal-liġijiet li japplikaw fl-Istati Membri.

Normalment il-proċess jibda fil-Kummissjoni Ewropea, li hija l-istituzzjoni eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea.  Parti minn din il-ħidma hi li tevalwa, tanalizza u tagħmel monitoraġġ fuq diversi setturi importanti tal-Unjoni Ewropea, bħall-ekonomija, ir-riċerka u l-industrija, u l-ambjent fost ħafna aktar.  Jekk mill-istudji joħroġ li liġi ġdida, jew reviżjoni ta’ liġi eżistenti, huma permessi mit-Trattati u jkunu ta’ ġid għall-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tfassal proposta fuq dak is-settur partikolari. Eżempju ċar ta’ dan huma r-regolamenti fuq it-tariffi tar-roaming li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet biex tindirizza l-fatt li l-konsumaturi Ewropej kienu qed iħallsu kontijiet eżaġerati meta jużaw ir-roaming fl-Unjoni Ewropea.

Bħala istituzzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’ biss tipproponi liġi, għaliex fl-aħħar mill-aħħar huma l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jiddeċiedu jekk proposta għandhiex issir liġi.

Għaldaqstant il-proposti tal-Kummissjoni għal liġijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea jgħaddu għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jibdew proċess li fih jagħrblu l-proposta biex jaraw jaqblux magħha, jew inkella jirreveduha billi jnaqqsu, jemendaw, jew iżidu klawsoli fiha.

Huwa importanti li nsemmu lil min jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti miċ-ċittadini tal-Istati Membri kull ħames snin. B’hekk huwa kunsidrat bħala l-istituzzjoni l-iktar demokratika fl-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jlaqqa’ l-Ministri tal-Istati Membri, skont id-dikasteru tagħhom. Hekk pereżempju, il-Ministru Malti għall-Ambjent ikun qiegħed jirrappreżenta l-interessi tal-Gvern ta’ Malta u taċ-ċittadini tiegħu meta jinnegozja mal-Ministri għall-Ambjent ta’ Stati Membri oħra sabiex jintlaħaq kompromess fuq xi proposta ta’ liġi fil-qasam tal-ambjent.

Tajjeb ngħidu wkoll li kemm il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jiddeċidux weħidhom. Fil-proċess ikunu qed isiru numru kbir ta’ laqgħat kemm fl-Istati Membri u kemm fi Brussell, ma’ esperti, għaqdiet u ċittadini biex dawn jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar aspetti differenti ta’ liġijiet proposti u kif jolqtuhom, tajjeb jew ħażin. Il-MEUSAC tidħol f’dan il-proċess biex tiġbor il-fehmiet tal-imsieħba soċjali u għaqdiet tas-soċjetà ċivili u tgħaddihom lill-gvern qabel jieħu pożizzjoni fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Huwa importanti li wieħed jifhem li dan il-proċess ħafna drabi jirrikjedi xhur u xi drabi snin sakemm ikun hemm qbil biex proposta ssir liġi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan però huwa biss xenarju bażiku ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Jekk trid tkun taf aktar, jew tixtieq informazzjoni dwar xi liġijiet partikolari, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew fuq info.meusac@gov.mt għal aktar informazzjoni.

« Back