Inqarrbuk lejn l-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 11.02.2020

Ladarba Malta hi parti mill-Unjoni Ewropea, dak li jiġri fiha jolqotna b’mod dirett jew indirett. Mhux l-ewwel darba li jiena jew xi kollega fil-MEUSAC ktibna artikli f’dan il-ġurnal, dejjem b’tema marbuta mal-Unjoni Ewropea, għax nemmnu li l-ħidma tal-MEUSAC biex tqarribna lejn l-Unjoni Ewropea tista’ tolqot lilek ukoll.

Jekk wieħed jidħol fis-sit elettroniku tal-MEUSAC, www.meusac.gov.mt mill-ewwel jinnota l-kitba ‘Connecting Citizens to the EU’. Dan hu parti mix-xogħol tagħna ta’ kuljum, li nesploraw u nimplimentaw diversi ideat bil-għan li nressqu lejn l-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini li jgħixu f’pajjiżna.

Bħala MEUSAC nikkomunikaw l-Unjoni Ewropea biex inżommu liċ-ċittadini infurmati dwar diversi temi. Skont stħarriġ reċenti ħareġ biċ-ċar li ċ-ċittadini Maltin iħossu li huma wkoll ċittadini Ewropej (81% ta’ dawk li rrispondew) filwaqt li 83% tal-poplu Malti jħoss li jixtieq ikun jaf iktar dwar id-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Huwa proprju hawnhekk fejn tidħol il-MEUSAC. Fil-fatt permezz ta’ diversi attivitajiet, fosthom artikli, djalogi pubbliċi, attivitajiet matul SkolaSajf, laqgħat għall-pubbliku, parteċipazzjoni fuq programmi tar-radju u l-użu tal-midja soċjali, il-MEUSAC tipprova tilħaq kull settur tas-soċjetà b’informazzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar taf tkun utli.

Il-MEUSAC, għal dawn l-aħħar sentejn qed tmexxi Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct, li huwa wieħed minn iktar minn 400 ċentru madwar l-Unjoni Ewropea kollha li jista’ jitqies bħala l-estensjoni tal-Kummissjoni Ewropea fejn jidħol it-tixrid tal-informazzjoni. Il-MEUSAC tfittex li tikkoordina l-ħidma tagħha ma’ entitajiet marbuta mal-Unjoni Ewropea. Hekk nagħmlu kull sena f’Jum l-Ewropa, meta quddiem il-Parlament nagħmlu attività biex niġbru s-servizzi li jagħtu dawn l-entitajiet f’pajjiżna. Fil-festival tax-Xjenza li jsir il-Belt Valletta lejn l-aħħar ta’ Settembru, nipparteċipaw b’attivitajiet, speċjalment għat-tfal, dwar l-Unjoni Ewropea. Dan hu ftit minn dak li nagħmlu matul is-sena.

Il-MEUSAC tipprovdi wkoll assistenza mingħajr ħlas u b’mod personalizzat lill-kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi biex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt il-MEUSAC ilha għal dawn l-aħħar għaxar snin tipprovdi din l-għajnuna u wieħed jista’ jgħid li r-rata ta’ applikazzjonijiet li ssottomettew diversi organizzazzjonijiet bl-assistenza tagħna ma kinitx żgħira. Tant hu hekk li fi 11-il sena, bl-għajnuna tal-MEUSAC inkisbu mas-60 miljun ewro f’fondi. Kull għaqda li tixtieq tara jekk tistax tapplika għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, kulma għandha tagħmel hu li tikkuntattja lill-MEUSAC.

Il-MEUSAC tlaqqa’ wkoll nies ġejjin minn setturi differenti u tisma’ l-opinjonijiet tagħhom dwar kif jintlaqtu minn dak li tkun qed tagħmel l-Unjoni Ewropea. Bħalma forsi wieħed jista’ japrezza, fl-Unjoni Ewropea ta’ kuljum ikunu għaddejjin taħdidiet dwar riformi u liġijiet li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jħallu impatt fuq kull Stat Membru u fuq iċ-ċittadini. Għaldaqstant il-MEUSAC ta’ kuljum issegwi dak li jkun għaddej u meta tinqala’ l-opportunità għal diskussjoni u konsultazzjoni ma’ setturi varji fuq livell lokali, tlaqqa’ kemm jista’ jkun partijiet konċernati u tipprova tifhem kif il-bidliet proposti jistgħu jaffettwaw lil pajjiżna.

Dan l-aħħar il-MEUSAC nediet sezzjoni ġdida fuq is-sit elettroniku tagħha li tiġbor fiha numru estensiv ta’ politiki li bħalissa qed jiġu diskussi. Dan l-eżerċizzju sar għal żewġ raġunijiet bl-ewwel waħda tkun dik li tagħti indikazzjoni ta’ dak li hu għaddej fuq livell kemm Ewropew u anke lokali f’oqsma li nħass bżonn li jkun hemm iktar konsultazzjoni fuqhom. It-tieni, dan l-eżerċizzju jagħti l-opportunità lil għaqdiet u individwi jesprimu l-ideat tagħhom fir-rigward ta’ dak li jkun propost. Il-fehmiet ta’ dawn l-individwi ma jaqgħux fuq widnejn torox, għaliex il-MEUSAC tara li kull forma ta’ kumment matul il-proċess ta’ konsultazzjoni jasal għand l-awtoritajiet responsabbli anke biex dan jiġi kkunsidrat meta Malta tkun qed tipprepara l-pożizzjoni tagħha fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

L-idea aħħarija tibqa’ dik li nressqu liċ-ċittadini iktar viċin tal-Unjoni Ewropea u kif stajtu taqraw, dan nagħmluh b’diversi modi. B’danakollu, jekk tkunu tridu tiltaqgħu magħna jew forsi anke toffru xi suġġerimenti tistgħu tagħmlu dan jew billi żżuru l-uffiċini tagħna fi Triq ir-Repubblika, l-Belt Valletta jew tikkuntattjawna fuq 2200 3300 u/jew info.meusac@gov.mt.

« Back