Il-MEUSAC tista’ tgħinek tikseb fondi Ewropej

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 26.02.2020

Sa mit-twaqqif tagħha, il-MEUSAC għenet diversi entitajiet lokali jiksbu fondi Ewropej għat-twettiq tal-proġetti tagħhom.

Il-MEUSAC tista’ titqies bħala one-stop-shop f’dak li għandu x’jaqsam ma’ fondi Ewropej, għaliex kwalunkwe organizzazzjoni jew individwu jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC għall-informazzjoni dwar fondi tal-Unjoni Ewropea. Minħabba li hija aġenzija tal-Gvern, is-servizzi kollha offruti mill-MEUSAC huma bla ħlas.

L-Unjoni Ewropea għandha ħafna programmi differenti ta’ fondi Ewropej li jiffukaw fuq setturi diversi – fosthom l-edukazzjoni, l-isport, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Kwalunkwe entità li tkun tixtieq informazzjoni dwar liema minn dawn il-programmi huma ta’ interess għaliha tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC biex tikseb tali informazzjoni. Apparti kuntatt kemm bit-telefon u anke bl-emails, il-MEUSAC tiltaqa’ mal-entità partikolari biex issir taf l-entità aħjar u tkun tista’ tidderiġiha lejn il-programm/i relevanti.

Minbarra li toffri informazzjoni lil kulħadd, fil-każ ta’ NGOs, kunsilli lokali, entitajiet tal-Gvern, skejjel, u trejdunjins, il-MEUSAC tista’ anke tgħin lil dawn l-entitajiet jiżviluppaw il-proġetti tagħhom u jimlew l-applikazzjoni neċessarja. Dan ifisser li għal dawn l-organizzazzjonijiet is-servizz offrut mill-MEUSAC huwa wieħed ħolistiku għax jibda mill-informazzjoni u jibqa’ għaddej sakemm l-entità tissottometti l-applikazzjoni. Il-MEUSAC tgħin lil dawn l-entitajiet mhux biss biex ifasslu proposta tajba imma biex jiżviluppaw proġett kompetittiv li jkollu ċans jiġi magħżul għall-fondi. Fl-2019 biss, il-MEUSAC għenet biex jiġu sottomessi 95 applikazzjoni għal fondi Ewropej.

Mal-assistenza offruta mill-MEUSAC għall-iżvilupp ta’ proġett u l-kitba tal-applikazzjoni, huwa importanti ferm li l-organizzazzjonijiet jifhmu tajjeb il-proċess li għandu jiġi segwit kemm biex jitfassal proġett kompetittiv u anke biex jiġu mwieġba tajjeb il-mistoqsijiet tal-applikazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-MEUSAC issa qed toffri wkoll taħriġ dwar l-iżvilupp ta’ proġett u l-kitba tiegħu. L-interess għal dan it-taħriġ qed ikun tajjeb ħafna u għaldaqstant il-MEUSAC se tkompli tinvesti f’dawn l-attivitajiet. Infatti, is-sena l-oħra saru 5 sessjonijiet ta’ taħriġ li għalihom attendew ftit iżjed minn 140 ruħ. L-ewwel żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ għal din is-sena se jkunu qed jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ proġett u se jkunu qed isiru f’April li ġej.

Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar dawn il-korsijiet ta’ taħriġ, jew kif tista’ tibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ibgħat email lil funding.meusac@gov.mt jew ċempel 2200 3300.

« Back