Il-MEUSAC – Ngħaqqduk mal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Mandy Falzon, Kap tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal Kulħadd – 23.02.2020

1. X’inhi l-MEUSAC? Kif bdiet u għaliex?
Il-MEUSAC twaqqfet fil-perjodu ta’ qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE). Dak iż-żmien kienet isservi bħala forum fejn l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili setgħu jagħtu sehemhom fit-tfassil tal-pożizzjoni li pajjiżna kien ser jieħu fuq diversi aspetti tad-drittijiet u l-obbligi li jorbtu lill-pajjiżi kollha msieħba fl-UE (imsejjaħ acquis communautaire). In-negozjati, li kienu jsiru mal-Kummissjoni Ewropea wasslu biex Malta saret Membru tal-UE fl-1 ta’ Mejju tal-2004.

Wara li Malta daħlet fl-UE, dan il-proċess kien waqaf minħabba li l-iskop tiegħu kien intlaħaq. Madankollu, l-istess imsieħba soċjali kienu talbu li l-proċess ta’ konsultazzjoni jkompli biex il-Gvern jikkonsulta dwar proposti ta’ liġijiet ġodda li Malta kellha tadotta bħala Stat Membru. Għaldaqstant, il-MEUSAC reġgħet twaqqfet fl-2008, biex tiffaċilita l-konsultazzjonijiet bejn rappreżentanti tal-Gvern u s-soċjetà ċivili fi stadju kemm jista’ jkun bikri. Permezz tal-konsultazzjoni, il-Gvern ikun jaf aħjar kif jintlaqtu setturi differenti b’liġijiet ġodda tal-UE li jkunu qed jiġi proposti. B’hekk, meta l-ministri tal-Gvern ikunu jiddiskutu ma’ ministri ta’ Stati Membri oħra fil-Kunsill tal-UE, ikunu jistgħu jinnegozjaw aħjar dak li l-iktar jaqbel għal Malta.

Iżda fl-2008, il-MEUSAC ma reġgħetx twaqqfet biss biex tikkonsulta, imma ngħatat żewġ rwoli oħra: it-tixrid tal-informazzjoni dwar l-UE u l-assistenza teknika biex jinkisbu fondi Ewropej għal proġetti ta’ fejda għas-soċjetà Maltija.

Fl-2017, il-MEUSAC ġiet stabbilita bħala aġenzija governattiva bl-Avviż Legali 154, biex tkun f’pożizzjoni aħjar li taqdi l-funzjonijiet tagħha.

2. Meta tgħidu li permezz tal-MEUSAC tgħaqqdu liċ-ċittadini u lill-istakeholders f’Malta mal-Unjoni Ewropea, xi tkunu qed tfissru?
Malta, għalkemm l-iżgħar Stat Membru tal-UE, tieħu sehem f’dak kollu li jkun qed jiġri fl-Unjoni, mit-teħid tad-deċiżjonijiet, għall-programmi ta’ fondi, u d-drittijiet u l-obbligi li ġġib is-sħubija. Iżda ħafna drabi jiġri li ċ-ċittadini Ewropej, inkluż dawk Maltin, iħossuhom maqtugħin minn dak li jkun għaddej fl-UE. Parti mir-raġuni għal dan is-sentiment hija li mhux dejjem jifhmu kif taħdem l-UE, fejn tista’ taġixxi u fejn le, kif jibbenefikaw mill-benefiċċji tas-sħubija, min jieħu d-deċiżjonijiet u kif jistgħu jsemmu leħinhom.

Dawn huma r-raġunijiet għalfejn il-gvern waqqaf il-MEUSAC, biex isservi ta’ pont bejn l-istrutturi u l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini. Il-MEUSAC iwettaq dan ir-rwol b’diversi modi, kemm permezz ta’ kuntatt ma’ dawk li jinħtieġu xi tip ta’ informazzjoni marbuta mal-UE u kemm bis-sehem tal-uffiċjali tagħha fi programmi fuq it-televiżjoni u r-radju, artikli f’gazzetti u pjattaformi onlajn, permezz tal-websajt, il-midja soċjali u billi jorganizza attivitajiet għall-pubbliku bl-għan li jinforma u jinvolvi liċ-ċittadini fid-dibattitu fuq kwistjonijiet Ewropej.

Sa mill-2018, il-MEUSAC bdiet ukoll toffri s-servizzi tal-informazzjoni billi tmexxi ċentru msejjaħ Europe Direct. Fl-UE nsibu madwar 450 ċentru kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea li jaqdu din il-funzjoni.

3. Intom twasslu wkoll lill-pubbliku ġenerali, informazzjoni relatata mal-Unjoni Ewropea. Taħsbu li l-pubbliku dejjem jifhem dak li tkunu qed tippruvaw twasslu?
Dik hija sfida kontinwa imma interessanti. Huwa fatt li l-mod kif taħdem l-UE huwa ħafna drabi kumplikat u mhux dejjem faċli tispjegah fi ftit kliem. Din hija sfida kontinwa imma interessanti għalina, li nispjegaw b’mod li jinftiehem u nwasslu l-informazzjoni korretta. Nemmnu li iktar ma nagħmlu dan, innaqqsu l-miżinformazzjoni u l-iskorrettezzi dwar l-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, iktar ma ċ-ċittadini jifhmu x’tagħmel l-UE, bid-drittijiet u l-obbligi li ġġib magħha, iktar ifittxu kif igawdu minnhom għall-benefiċċju tagħhom.

Il-MEUSAC tistinka biex twassal informazzjoni korretta u fattwali dwar l-UE, id-drittijiet u l-obbligi ta’ Malta bħala Stat Membru, kif ukoll taċ-ċittadini Maltin bħala ċittadini tal-UE.

4. Spjegali kif tippromwovu d-djalogu Ewropew fir-rigward ta’ ideali, valuri u azzjoni?
Is-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE tfisser sħubija f’unjoni ta’ pajjiżi li jħaddnu l-valuri tal-paċi, is-solidarjetà, ir-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet umani, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, fost l-oħrajn. Kienu dawn il-valuri li wasslu lill-mexxejja fundaturi ta’ sitt pajjiżi Ewropej biex jingħaqdu flimkien u jaħdmu biex jibnu l-proġett Ewropew – li jaraw Ewropa magħquda.

Illum, iktar minn qatt qabel, l-Ewropa qiegħda tiffaċċja diversi sfidi biex twettaq fil-prattika l-ideali li sawruha u biex tkompli tibni l-proġett Ewropew li beda 70 sena ilu.

Meta Malta ssieħbet fl-UE 16-il sena ilu, is-sitwazzjoni kienet differenti mil-lum. L-UE tal-lum qed tiffaċċja sfidi bħal dawk tas-sigurtà marbuta mal-fenomenu tal-immigrazzjoni u theddida dejjem tikber tat-terroriżmu li qed joħolqu dubji serji fuq il-valuri fundamentali tal-UE bħall-moviment ħieles tal-persuni. F’dawn l-aħħar snin, l-UE kienet għaddejja minn proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tagħha, biex issib soluzzjonijiet konvinċenti li jagħmluha aktar Unjoni.

Id-deċiżjoni li ħa l-elettorat biex ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru tal-UE, żgur li se tħalli impatt fuq il-futur tal-UE. U dan huwa fattur ieħor importanti fl-istorja tal-UE, li jekk ma ħareġ xejn pożittiv minnu, qajjem dibattitu sħiħ dwar x’futur għandu jkollha l-Unjoni.

Dan id-dibattitu huwa ħaj ukoll f’Malta; dibattitu li fih il-MEUSAC qiegħed ikollu sehem importanti. Fl-2018, konna responsabbli biex f’Malta norganizzaw sensiela ta’ konsultazzjonijiet ma’ diversi faxex u setturi tas-soċjetà. Kien eżerċizzju li semmejnieh ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’ għax kull min ipparteċipa seta’ jgħid tiegħu/tagħha fuq diversi temi li jolqtu l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Wara dan l-eżerċizzju ħriġna rapport bil-konklużjonijiet tal-laqgħat li ġie mibgħut għall-kunsiderazzjoni ma’ rapporti ta’ Stati Membri oħra fil-Kunsill Ewropew. Minn hemm ħarġet id-direzzjoni politika tal-UE għall-ħames snin li ġejjin imsejħa Aġenda Strateġika.

Din is-sena wkoll biħsiebna nagħmlu eżerċizzju simili, meta l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida se tniedi dik li qed tissejjaħ ‘Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa’, biex iżżomm ħaj id-dibattitu dwar x’għandha tkun l-UE fis-snin li ġejjin. Il-MEUSAC u Europe Direct Valletta se jkunu fuq quddiem biex dan id-dibattitu jkun ħaj u jħalli l-frott.

5. Intom toffru wkoll assistenza lill-kunsilli lokali u NGOs fir-rigward ta’ kisbiet ta’ fondi Ewropej. Kif isir dan?
Servizz ieħor li l-MEUSAC bdiet toffri tnax-il sena ilu, u li rnexxa sew għall-benefiċċju ta’ ħafna NGOs, kunsilli lokali, enitajiet tal-Gvern u individwi, kien l-assistenza biex jinkisbu fondi Ewropej għal proġetti ta’ fejda għas-soċjetà Maltija. Din l-għajnuna tikkonsisti filli l-MEUSAC iwassal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi Ewropej u, iktar minn hekk, jassisti lill-kunsilli lokali u NGOs fil-proċess kultant tqil u kkumplikat tal-mili u s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-fondi. Sal-lum, grazzi għal din l-għajnuna, li tingħata bla ħlas, il-MEUSAC għenet ’l fuq minn 275 organizzazzjoni. Fl-2019 biss, il-MEUSAC għenet biex jiġu sottomessi 95 applikazzjoni għall-fondi.

L-Unjoni Ewropea għandha ħafna programmi differenti ta’ fondi Ewropej li jiffukaw fuq setturi diversi – fosthom l-edukazzjoni, l-isport, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Kwalunkwe entità li tkun tixtieq informazzjoni dwar liema minn dawn il-programmi huma ta’ interess għaliha tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC biex tikseb l-informazzjoni.

Is-servizz li tagħti l-MEUSAC fejn jidħlu fondi tal-UE huwa wieħed ħolistiku għax jibda mill-informazzjoni u jibqa’ għaddej sakemm l-entità tissottometti l-applikazzjoni. Il-MEUSAC tgħin lil dawn l-entitajiet mhux biss biex ifasslu proposta tajba imma biex jiżviluppaw proġett kompetittiv li jkollu ċans jiġi magħżul għall-fondi.

Mal-assistenza offruta mill-MEUSAC għall-iżvilupp ta’ proġett u l-kitba tal-applikazzjoni, huwa importanti ferm li l-organizzazzjonijiet jifhmu tajjeb il-proċess li għandu jiġi segwit kemm biex jitfassal proġett kompetittiv u anke biex jiġu mwieġba tajjeb il-mistoqsijiet tal-applikazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-MEUSAC issa qed toffri wkoll taħriġ dwar l-iżvilupp ta’ proġett u l-kitba tiegħu.

6. Jista’ individwu waħdu li m’għandux NGO javviċinakom u jkollu opportunità wkoll li jikseb fondi mill-Unjoni Ewropea?
Għalkemm ħafna mill-opportunitajiet ta’ fondi huma iktar intiżi għall-organizzazzjonijiet li jkollhom xi forma legali, bħal pereżempju, għaqda mhux governattiva, intrapriża jew dipartiment tal-Gvern, jeżistu opportunitajiet għall-individwi taħt numru ta’ proġetti li qed jiġu mmexxija minn entitajiet tal-Gvern. Fost dawn insibu boroż ta’ studju li jagħtu l-opportunità lil studenti li jistudjaw f’universitajiet madwar l-Ewropa. Parti mill-ispejjeż jiġu finanzjati minn fondi Ewropej. Skema oħra, ‘Investing in Skills’ toffri taħriġ għall-ħaddiema fl-intrapriżi. Jeżistu wkoll opportunitajiet biex nies jingħataw l-għajnuna biex jiksbu ħiliet li jistgħu jgħinuhom biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Madankollu, l-aħjar parir li nistgħu nagħtu jibqa’ dak li individwu jkellem lill-MEUSAC bil-każ partikolari tiegħu sabiex inkunu nistgħu niggwidawh fuq l-opportunitajiet li jista’ jibbenefika minnhom.

7. Hemm ideat ġodda futuri dwar kif il-MEUSAC tkun aktar viċin in-nies biex isir iżjed użu minn dak li hemm offrut?
Matul is-sena nesploraw regolarment kif nistgħu nilħqu aktar nies biex ikunu jafu s-servizzi li noffru. Nużaw mezzi differenti biex nilħqu sezzjonijiet differenti tas-soċjetà anki billi nagħrfu modi differenti ta’ kif nies differenti jżommu lilhom infushom aġġornati. Hekk pereżempju nużaw il-mezzi elettroniċi, onlajn u midja soċjali, mezzi stampati u anki dawk tar-radju. Huwa ta’ prijorità għalina li nagħtu attenzjoni individwali u ngħinu b’kull mod li nistgħu.

Infittxu wkoll li nkunu nafu jekk min juża s-servizzi tagħna jkunx sodisfatt. Mir-rispons li nieħdu, aħna magħrufin għas-servizz professjonali, b’attenzjoni individwali u fil-pront kemm jista’ jkun.

8. Jeżistu aktar uffiċini bħalkom madwar il-pajjiżi Ewropej? Isir kuntatt bejnietkom? Isiru proġetti kollaborattivi? Kif jista’ ċ-ċittadin Malti jibbenefika mill-MEUSAC? Għaliex għandu wieħed jagħmel kuntatt magħkom?
Fl-ebda pajjiż tal-UE ma teżisti aġenzija bħall-MEUSAC, għaliex f’entità waħda, nistgħu niftaħru li għandna one-stop-shop fejn iċ-ċittadini jsibu informazzjoni u assistenza marbuta mad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fl-UE, isemmgħu leħinhom dwar x’pożizzjoni għandha tieħu Malta fuq liġijiet li jaffettwawna, u fl-aħħar u mhux l-inqas kif jibbenefikaw b’mod konkret mill-fondi tal-UE.

Meta ngħidu ‘one-stop-shop’ nifhmu li dawk kollha li jiġu għandna u jkollhom bżonn għajnuna speċjalizzata fuq każijiet partikolari, aħna nkunu nistgħu nidderiġuhom lejn entitajiet partikolari li jkunu jistgħu jindirizzaw il-każ tagħhom. F’Malta, bħal f’pajjiżi oħra tal-UE, għandna ċentri speċjalizzati f’oqsma differenti li joffru assistenza liċ-ċittadini u negozji f’pajjiżi oħra tal-UE, peress li Malta bħala Stat Membru tal-UE hi parti mis-Suq Waħdieni tal-UE, miz-Zona Xengen u l-Ewro. Iċ-ċentri speċjalizzati li qed nirreferi għalihom jassistu ċ-ċittadini fejn jidħlu xiri ta’ prodotti u servizzi, is-saħħa, l-ivvjaġġar, l-edukazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-fondi tal-UE, l-impjiegi, u għexieren ta’ oqsma oħra.

Darba f’sena, f’Jum l-Ewropa li jaħbat fid-9 ta’ Mejju nagħmlu attività fil-Belt Valletta li fiha l-pubbliku jkun jista’ jsib dawn is-servizzi kollha f’post wieħed u jkun jaf fejn għandu jirrikorri f’każ ta’ bżonn. Il-MEUSAC għandu kuntatt ma’ dawn l-entitajiet u jkun jista’ jidderieġi lil dak li jkun mingħajr ma joqgħod jipprova jsib fejn għandu jmur jew jistaqsi.

9. Kif jista’ wieħed jikkuntattjakom?
L-uffiċini tagħna jinsabu f’280 Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, ftit ’l isfel mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. F’Għawdex għandna wkoll uffiċċju li jinsab fl-NGO Centre, Triq il-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija. Tistgħu tikkuntattjawna bit-telefon 2200 3300 jew bl-email info.meusac@gov.mt, u tistgħu ssegwuna fil-midja soċjali facebook.com/meusacmalta jew permezz tas-sit elettroniku tagħna www.meusac.gov.mt.

« Back