X’nistennew mill-Unjoni Ewropea fl-2020?

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 08.01.20

Il-klima, ekonomija li tirrendi għall-benefiċċju tan-nies, il-baġit għall-2021-2027, Brexit, is-saħħa, is-servizzi diġitali, u s-sigurtà huma fost it-temi ewlenin għall-Unjoni Ewropea fl-2020.

Id-direzzjoni ġenerali tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea għax-xhur u s-snin li ġejjin hi li tiffoka l-aktar fuq dak li jolqot in-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan hu riżultat ta’ sforzi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għamlu fis-snin li għaddew biex jisimgħu lin-nies jgħidu tagħhom dwar x’Unjoni Ewropea jridu fil-futur.

It-tibdil u l-azzjoni dwar il-klima, u aspetti soċjali bħad-drittijiet tal-ħaddiema u l-ugwaljanza, l-immigrazzjoni u l-azzjoni kontra t-terroriżmu kienu prijoritajiet ewlenin li identifikaw iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. L-istituzzjonijiet qed jifhmu dejjem aktar li l-prijoritajiet għall-Unjoni Ewropea għandhom ikunu tan-nies u mhux tagħhom.

Mill-1 ta’ Diċembru 2019, il-ġurnata li fiha beda terminu ġdid għall-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Ursula von der Leyen, ġa għaddew 37 ġurnata. Fil-prijoritajiet ta’ din il-Kummissjoni nsibu impenn biex sal-ewwel 100 jum, il-Kummissjoni tkun ħarġet proposti, ewlenin fosthom Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Klima, u miżuri biex l-ekonomija taħdem għan-nies u mhux bil-kontra. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew biex jimbuttaw dawn il-prijoritajiet ewlenin.

Il-klima
Il-Kummissjoni l-ġdida diġà ħarġet il-proposti tagħha dwar l-hekk imsejjaħ ‘European Green Deal’. Il-proposti jelenkaw il-miżuri li għandhom jittieħdu b’aktar determinazzjoni biex jiġi indirizzat it-tisħin globali. L-Unjoni Ewropea trid tkun minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni ta’ dak li kkomettiet fil-Ftehim ta’ Pariġi, jiġifieri li sal-2050, it-temperatura globali ma titlax iktar minn 1.5 gradi Celsius billi l-emissjonijiet tal-karbonju jiġu newtralizzati minn azzjonijiet favur il-klima, fosthom it-tnaqqis drastiku tal-emissjonijiet, il-ħarsien tal-foresti u l-ibħra, l-użu għaqli tal-enerġija u l-ilma, u t-trażżin tal-użu tal-plastik.

Matul is-sena nistennew proposti leġiżlattivi ġodda dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-industrija u mit-trasport, bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, manifattura ta’ prodotti li jintużaw għal żmien itwal u l-pestiċidi, fost l-oħrajn.

L-Unjoni Ewropea trid tixpruna wkoll l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-pajjiżi kollha, l-aktar dawk li għandhom l-ikbar ekonomiji u li allura jħammġu l-iktar.

Il-Baġit 2021-2027
Din is-sena mistennija jiġu finalizzati n-negozjati bejn l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri dwar kif se jitqassmu l-flus tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin, skont il-prijoritajiet li semmejna qabel. Waqt li xejn ma jsir b’xejn, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex but bla qiegħ u l-flus tagħha jiġu wkoll mit-taxxi taċ-ċittadini. Allura jrid jinstab bilanċ bejn dak li hemm bżonn isir biex l-Istati Membri jimxu ’l quddiem u kemm lesti jikkommettu għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet. Barra hekk, trid tiġi indirizzata wkoll il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ kontribut finanzjarju tar-Renju Unit għall-baġit li jmiss.

Brexit
Ir-Renju Unit mistenni joħroġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar dment li l-ftehim ta’ arranġament tal-ħruġ jiġi approvat mill-Parlamenti tar-Renju Unit u dak Ewropew, bl-iffirmar għall-Unjoni Ewropea jsir mill-Kummissjoni, biex jidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Frar. Wara dan, sal-aħħar tas-sena jkunu jridu jsiru negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn iż-żewġ naħat, li jkopru fost l-oħrajn il-kummerċ u l-koperazzjoni fid-difiża, l-ambjent u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Kapitlu importanti ta’ dan l-arranġament hu l-perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu ma jinbidel xejn mir-regoli eżistenti. Fil-prattika, dan ikun ifisser li sal-aħħar tal-2020, għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-Unjoni Ewropea jibqgħu r-regoli eżistenti, iżda r-rappreżentanti tar-Renju Unit ma jibqgħux jieħdu sehem fl-istrutturi tal-Unjoni. Hemm il-possibiltà li dan il-perjodu jkun estiż b’sena jew sentejn. Deċiżjoni dwar dan tittieħed sal-aħħar ta’ Lulju 2020.

Oħrajn
Oqsma oħra li l-Unjoni Ewropea se tkun qiegħda tindirizza matul din is-sena se jkunu: is-saħħa, bi proposti ta’ pjan ta’ azzjoni dwar il-kanċer; it-tiġdid tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru u l-ferrovija; ftehimiet ġodda ta’ kummerċ u investiment ma’ pajjiżi terzi; waqt li jkomplu t-taħdidiet ma’pajjiżi li jixtiequ jidħlu fl-Unjoni Ewropea bħall-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq u xi pajjiżi tal-Balkani.

Il-Kummissjoni mistennija wkoll toħroġ bi proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali, b’din tal-aħħar ikollha qafas legali mal-Unjoni li jkattar l-investiment għall-kumpaniji fl-Ewropa. La qed insemmu d-dinja diġitali, ma jistax jonqos li tkompli tiġi indirizzata s-sigurtà billi jiġi miġġieled it-tixrid ta’ kontenut onlajn b’rabtiet terroristiċi u kif ukoll bit-tisħiħ tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

Il-MEUSAC
Matul is-sena, il-MEUSAC u ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea Europe Direct Valletta, inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna biex inqarrbu ċ-ċittadini mal-ħidma tal-Unjoni Ewropea permezz tas-servizzi li noffru.

Segwina fuq www.meusac.gov.mt; facebook.com/meusacmalta; edicvalletta.meusac@gov.mt; info.meusac@gov.mt; jew 2200 3300.

« Back