Wasal iż-żmien li nagħlqu ċ-ċirku

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 22.01.2020

Għal ħafna snin imxejna bil-metalità ta’ ‘uża u armi’. Ekonomija li taħdem b’dan il-mod tisejjaħ ekonomija lineari, fejn il-prodotti li nikkunsmaw, jintremew. Fl-aħħar snin, it-tranżizzjoni għal dik li nafuha bħala ekonomija ċirkolari qabdet sew fl-Unjoni Ewropea. Din it-tip ta’ ekonomija taħdem bil-mentalità ta’ ‘uża u erġa’ uża’.

Kienu bosta dawk li tkellmu b’mod konsistenti dwar il-valur miżjud li pjanijiet għal ekonomija iktar ċirkolari jistgħu jġibu magħhom. Iżda qabel ma’ nsemmu ftit minn dawn il-pjanijiet, tajjeb li nifhmu sew dan it-terminu xi jfisser.

Fi kliem sempliċi, fl-ekonomija ċirkolari, il-valur ta’ prodotti, materjali u riżorsi jinżamm għall-itwal żmien possibbli. Dan ifisser li iktar kemm dawn il-materjali jinżammu fi stat tajjeb ta’ użu, aktar jitnaqqas l-iskart. It-tnaqqis tal-iskart, apparti milli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali, jagħti kontribut siewi lill-isforzi li l-Unjoni Ewropea kienet u għadha qed tagħmel sabiex din it-tranżizzjoni tkun waħda ta’ benefiċċju, kompetittiva, sostenibbli, b’livelli baxxi ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Kontra l-perċezzjoni ta’ ħafna, in-negozji fl-ekonomija ċirkolari ser ikunu aktar protetti u probabbilment aktar kompetittivi. Wieħed, biss biss irid jifhem li dan it-tibdil fl-aħħar mill-aħħar jipproteġi n-negozji minn skarsezza ta’ riżorsi u prezzijiet li tabilħaqq jistgħu jinbidlu mil-lum għal għada. Dan minħabba li l-prodotti u materjali jinżammu għall-itwal żmien possibbli u mhux jintużaw darba u daqshekk, b’detriment għall-ambjent u s-saħħa tagħna. Biżżejjed insemmu l-użu eċċessiv tal-plastik u l-ħsara li dan iġib miegħu.

Bħal kull tibdil ieħor, it-tibdil fil-mod kif noperaw f’dan il-qasam joffri opportunitajiet ġodda. Ekonomija ċirkolari ser tkun qed toħloq impjiegi, kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq dak kontinentali. Barra minn hekk, wieħed ma jistax jinsa kemm enerġija li s-soltu kienet tintuża fil-produzzjoni ta’ ċertu materjali ser tkun iffrankata u għaldaqstant tgħin fil-ġlieda kontinwa kontra l-użu ta’ riżorsi li d-dinja mhux kapaċi tibqa’ ġġedded.

L-idea, anke tal-Kummissjoni preżenti, hi ċara. Ix-xogħlijiet li bdew fis-snin li għaddew iridu jitkomplew. Hemm diġà mfasslin pjanijiet li jinkludu miri b’termini twal sabiex jitnaqqas ir-rimi f’miżbliet u biex kull Stat Membru jkun preparat bl-aħjar mod għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart.

L-isforzi sabiex l-Unjoni Ewropea tersaq iktar viċin ta’ ekonomija ċirkolari sħiħa bdew. Kull ċittadin irid jifhem li din mhix ħaġa li sseħħ mil-lum għal għada u li tranżizzjoni ta’ dan it-tip hija proċess relattivament twil. Imma bir-rieda ta’ kull wieħed u waħda minna, il-kundizzjonijiet it-tajba, viżjoni politika fid-direzzjoni t-tajba u l-fondi neċessarji sabiex dawn il-bidliet tabilħaqq iseħħu, qegħdin hemm. Issa ż-żmien li nibdew nużaw minn din l-opportunità li tista’ tpoġġi lill-Unjoni Ewropea fuq quddiem f’dan il-qasam.

« Back