Taħriġ fil-qasam tad-djalogu soċjali għal għaqdiet mhux governattivi u l-imsieħba soċjali

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 07.01.2020

Bħalissa l-MEUSAC qiegħda tmexxi proġett bl-isem ‘ENGAGE’ bil-għan li jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’Malta. Dan il-proġett għandu jgħin ukoll lill-MEUSAC biex tifhem il-bżonnijiet tal-imsieħba soċjali u l-għaqdiet mhux governattivi u tgħinhom jipparteċipaw b’mod aktar attiv fil-proċess tad-djalogu soċjali. Dan il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

Id-djalogu soċjali jseħħ fi proċess li permezz tiegħu l-gvern jikkonsulta ma’ għaqdiet mhux governattivi u msieħba soċjali qabel ma jitfasslu liġijiet u politiki. B’hekk il-gvern ikollu stampa iktar ċara tal-bżonnijiet tal-partijiet ikkonċernati.

Il-MEUSAC hija aġenzija tal-gvern illi, fost l-irwoli tagħha, tmexxi l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-liġijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan ix-xogħol, il-Gvern ikun jista’ jifhem il-bżonnijiet taċ-ċittadini u entitajiet Maltin sabiex jifformula l-pożizzjoni tiegħu f’taħdidiet ma’ Stati Membri oħrajn fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel jiġu adottati liġijiet ġodda. B’hekk il-pożizzjoni tal-Gvern tirrifletti aktar l-interessi lokali, li jittieħdu f’kunsiderazzjoni flimkien mal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra fit-tfassil ta’ liġijiet u politiki.

L-iskop tat-taħriġ li l-MEUSAC qed toffri lill-entitajiet lokali, permezz tal-proġett ENGAGE, huwa li tagħti l-għodda meħtieġa lill-entitajiet involuti ħalli jinvolvu ruħhom aktar fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Tgħinhom ukoll jibbenefikaw mill-fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom u jagħrfu jikkomunikaw aħjar kemm ma’ għaqdiet oħra u wkoll mal-membri tagħhom. It-taħriġ huwa maqsum fi tliet partijiet: sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ 6 sigħat imqassma f’diversi partijiet; laqgħat fuq bażi individwali bejn uffiċjali tal-MEUSAC u l-entitajiet li jkunu rċevew it-taħriġ, u; konferenza finali li tibni fuq l-ewwel żewġ partijiet billi tkompli tgħarraf lill-entitajiet involuti fuq kif jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

Is-sessjonijiet ta’ taħriġ saru fl-ewwel nofs ta’ Diċembru f’Malta u f’Għawdex. Permezz ta’ dawn is-sessjonijiet, il-parteċipanti rċivew informazzjoni fuq temi differenti, fosthom informazzjoni fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni, kif jistgħu jinvolvu ruħhom u kif jifformulaw il-pożizzjonijiet tagħhom u jgħadduhom lill-Gvern. Ingħataw ukoll informazzjoni dwar il-prinċipji ġenerali tal-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u kif dawn l-istess fondi jistgħu jgħinu dawn l-entitajiet bi proġetti li, fost l-oħrajn, jindirizzaw id-djalogu soċjali. Aspett ieħor ta’ importanza hu l-informazzjoni dwar komunikazzjoni effettiva.

F’Jannar 2020, dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ ser jiġu kkumplimentati minn laqgħat fuq bażi individwali bejn uffiċjali tal-MEUSAC u l-entitajiet li rċivew l-imsemmi taħriġ sabiex jiġu megħjuna japplikaw l-informazzjoni li rċevew fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom. Dan jippermetti lill-MEUSAC biex tosserva x’benefiċċju jkun ħalla t-taħriġ u biex jiggwida l-entitajiet ikkonċernati japplikaw dak li jkunu tgħallmu fil-prattika.

It-taħriġ jiġi konkluż b’konferenza li tiġbor lill-entitajiet li jkunu bbenefikaw minn dan is-servizz sabiex ikunu jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ xulxin u jaħdmu b’mod iktar effettiv flimkien waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni. Huwa mistenni wkoll illi dan il-proġett iwassal biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-MEUSAC u dawn l-entitajiet.

Il-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, li minnu hu parzjalment finanzjat il-proġett ENGAGE, huwa l-programm ewlieni ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li jgħin lill-Istati Membri jkattru l-impjiegi, jgħin lin-nies jiksbu impjiegi aħjar, u jiżgura opportunitajiet ta’ xogħol aktar ġusti. Il-proġett ENGAGE ingħata l-fondi taħt l-Assi ta’ Prijorità 4 tal-Programm Operattiv ta’ Malta għall-Fond Soċjali Ewropew, illi tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-imsieħba soċjali u l-gvern.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett ENGAGE jew il-Fond Soċjali Ewropew tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew funding.meusac@gov.mt.

« Back