Patt Favur l-Ambjent Tagħna

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 15.01.20

Diversi studji juru li t-tniġġis fl-arja jista’ jwassal għal 400,000 mewt prematura fis-sena, waqt li ż-żieda fit-temperaturi globali twassal għal 90,000 mewt oħra fis-sena. Hemm ukoll impatti ekonomiċi, b’negozji madwar id-dinja meqjusa li jitilfu madwar €190 biljun fis-sena.

Dawn l-aħħar snin kienu kkaratterizzati minn impatti negattivi fuq l-ambjent ta’ madwarna u qed dejjem jiżied il-bżonn urġenti li tittieħed azzjoni sabiex niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima kemm fuq livell nazzjonali u kemm permezz ta’ koperazzjoni internazzjonali.

L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet fuq quddiem fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima u b’mod konsistenti tefgħet importanza sinifikanti f’politika sostennibli u nadifa. Bil-bidla riċenti fil-Kummissjoni Ewropea, issa taħt it-tmexxija ta’ Ursula von der Leyen, ix-xogħol lejn futur sostenibbli ser ikompli jissaħħaħ.

Fl-ewwel ġranet ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea ġdida, beda x-xogħol fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan il-patt hu mmirat sabiex joħloq ekonomija Ewropea effiċjenti u kompetittiva li tħares is-sostenibbiltà ambjentali.

Dan il-Patt hu importanti ferm sabiex jintlaħqu l-miri tan-Nazzjonijiet Uniti għal Żvilupp Sostenibbli. Madankollu, l-Unjoni Ewropea qed taħres lil hinn minn dawn il-miri, bil-għan li sas-sena 2050, l-ekonomija Ewropea tilħaq newtralità tal-karbonju. Dan ifisser li attivitajiet ekonomiċi ma jwasslux għal żieda fl-emissjonijiet, u għalhekk ma jkunx hemm żieda fit-temperaturi globali.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea f’numru ta’ miżuri f’setturi differenti. Dawn jinkludu l-użu ta’ enerġija nadifa, mobilità sostenibbli, iktar effiċjenza fl-industrija tal-ikel, kif ukoll iktar riċerka u innovazzjoni biex l-ekonomija ssir aktar ekoloġika. L-aspett ambjentali hu preżenti fis-setturi kollha tal-ekonomija u jirrikjedi azzjoni sabiex id-dinja tagħna tkun protetta qabel ma jkun tard wisq.

Dawn l-għanijiet kollha ser ikunu qed jintlaħqu permezz ta’ diversi politiki differenti li ser ikunu qed jiġu proposti mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll proposti għat-tisħiħ ta’ politiki eżistenti. Fost dawn, hemm il-bżonn li jkun hemm titjib fl-istrateġija kontra l-plastik, kif ukoll fil-pjan ta’ azzjoni favur l-ekonomija ċirkolari. Fl-istess waqt, hemm il-ħsieb li tiġi introdotta liġi dwar il-klima, bil-għan li tassigura li l-inizjattivi kollha tal-Unjoni Ewropea jżommu l-objettiv tan-newtralità tal-klima fiċ-ċentru tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-ħidma favur l-ambjent u kontra t-tibdil fil-klima mhux ser issir akkost tat-tkabbir ekonomiku, imma ser tfittex bilanċ li jkompli jtejjeb il-kompetittività ekonomika globali waqt li jħares id-dinja li ngħixu fiha.

Jekk ma titteħidx azzjoni llum qabel għada, il-konsegwenzi jkunu sinifikanti.

Fl-aħħar mill-aħħar, iktar ma nistennew, iktar issir diffiċli sabiex nilħqu l-għanijiet ambjentali u nimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima. Fl-istess waqt, l-isforzi neċessarji jsiru iktar diffiċli f’termini ta’ implimentazzjoni u għalhekk hemm bżonn li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jagħmlu l-almu tagħhom sabiex iħarsu d-dinja ta’ madwarhom.

« Back