Niddiskutu l-Futur tal-Ewropa u l-Ewroxettiċiżmu

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppublbikat fuq tvm.com.mt – 02.01.20

Il-futur tal-Ewropa huwa l-futur tagħna. F’dawn l-aħħar snin, dan is-suġġett kien wieħed mill-aktar topiċi, hekk kif l-Unjoni Ewropea għaddejja minn żmien ta’ riflessjoni dwar liema rotta ser taddotta għaż-żmien li ġej. Fost raġunijiet oħra, l-Unjoni Ewropea qiegħda tindirizza kemm id-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jibqax Stat Membru, u wkoll is-sentiment ta’ ewroxettiċiżmu li ilu għal numru ta’ snin ipoġġi quddiem l-Unjoni sfidi mhux żgħar.

Wieħed mill-modi kif l-ewroxettiċiżmu qiegħed jiġi indirizzat hu billi jkunu ċ-ċittadini Ewropej stess li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ fondi Ewropej, ċittadini minn partijiet differenti tal-Ewropa jistgħu jiltaqgħu flimkien u jiddiskutu dawn is-suġġetti. L-ideat tal-parteċipanti f’dawn il-proġetti jistgħu jinġabru wkoll f’rapporti finali li jkunu jistgħu jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet lokali u lill-istituzzjonijiet Ewropej.

Permezz tal-programm ta’ fondi ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’, ċittadini minn pajjiżi differenti jiġu flimkien sabiex jidiskutu l-futur tal-Ewropa u kif għandna nindirizzaw l-ewroxettiċiżmu. Dan huwa mod effettiv kif ċittadini Ewropej li jgħixu realtajiet differenti jagħrfu sfidi u opportunitajiet komuni li jistgħu jwettqu f’pajjiżhom.

F’Malta wkoll, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kunsilli lokali Maltin u Għawdxin u kif ukoll organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali, għandhom l-opportunità japplikaw għal fondi taħt il-programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’. Bil-flus tal-Unjoni Ewropea, dawn ikunu jistgħu jwettqu proġetti ta’ ġemelleġġi bejn l-ibliet u kif ukoll networks tal-ibliet illi t-tema prinċipali tagħhom tkun il-futur tal-Ewropa u kif għandna nindirizzaw l-ewroxettiċizmu. B’hekk ċittadini Maltin u Għawdxin ukoll jingħataw spazju biex isemmgħu leħinhom dwar kif jixtiequ li l-Unjoni Ewropea tiżvolġi fil-futur u x’effetti jista’ jkollhom għażliet differenti dwar il-futur tal-Ewropa fuq pajjiżna u l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Fl-istess waqt, jistgħu wkoll jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar kif għandna nindirizzaw il-problema tal-ewroxettiċiżmu.

Proġetti ta’ ġemellaġġi bejn l-ibliet jinvolvu avveniment wieħed li jista’ jdum sa massimu ta’ 21 ġurnata filwaqt li proġetti ta’ netwerks tal-ibliet huma aktar ambizzjużi għaliex iridu jinvolvu tal-inqas erba’ avvenimenti.

Biex wieħed japplika għal ġemellaġġ bejn l-ibliet, id-data ta’ skadenza li jmiss hija l-4 ta’ Frar li ġej, filwaqt li dik għal netwerks tal-ibliet hija t-3 ta’ Marzu.

Dawk li jixtiequ aktar informazzjoni dwar il-programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew fuq funding.meusac@gov.mt.

« Back